Imut Colin Muscat wara l-isplużjoni fil-kamra tan-nar ta’ San Ġwann – One News

Notifiki

Imut Colin Muscat wara l-isplużjoni fil-kamra tan-nar ta’ San Ġwann

Jitlef ħajtu Colin Muscat ta’ 36 sena li lbieraħ kien involut fl-isplużjoni li seħħet fil-kamra tan-nar ta’ San Ġwann.

Muscat ġarrab ħruq estensiv f’diversi partijiet f’ ġismu.

L-għada tal-isplużjoni, iż-żewġ toroq li jagħtu għall-Kamra tan-Nar ħdax ta’ Frar ta’ San Ġwann fil-limiti tan-Naxxar, sebħu  magħluqa u ħadd ma tħalla jersaq lejn il-post fejn seħħet l-isplużjoni.

Fuq il-post kien għad hemm vettura tat-tifi tan-nar u ambulanza, xhieda li l-periklu fuq il-post kien għadu hemm hekk kif numru ta’ murtali kienu għadhom bil-possibilità li jieħdu n-nar.

Tispikka l-ħemda iżda fuq kollox l-attenzjoni tal-investigaturi li komplew jaħdmu bir-reqqa fuq is-sit tal-kamra tan-nar fejn seħħet l-isplużjoni.

Miż-żewġ toroq lejn il-Kamra tan-Nar kien hemm il-pulizija li bħala prekawzjoni għalqu t-triq u ma ħallew lil ħadd jgħaddi.

Saħansitra anki bdiewa li għandhom l-irziezet fl-inħawi għaddew minn skrutinju iebes tal-pulizija biex jgħaddu, xhieda li l-periklu fil-kamra tan-nar kien għadu hemm għaliex kienet għadha teżisti l-possibilità ta’ xi murtali li setgħu jieħdu n-nar.

Muscat u Clint Grima, persuna oħra li ndarab gravi ħarġu mill-Kamra tan-Nar fuq saqajhom ftit wara l-isplużjoni li seħħet fit-tlieta u kwart ta’ waranofsinhar.

Matul il-jum komplew aktar il-messaġġi ta’ solidarjetà u ta’ kuraġġ speċjalment fil-konfront ta’ Colin Muscat.

Fost l-oħrajn spikkaw messaġġi t’apprezzament għax-xogħol li kien jagħmel Colin Muscat fid-diversi festi madwar Malta u Għawdex.

Filfatt sa lejliet l-isplużjoni, Colin Muscat, permezz tal-ħidma piroteknika tiegħu kien qed jieħu sehem fl-ewwel edizzjoni tal-festival tal-mużika rock, Rock The Fort, li ttella’ fil-Birgu.

Intant il-Kamra tan-Nar ħdax ta’ Frar ta’ San Ġwann hija kamra tan-nar li tiġi kkummissjonata għal xogħol pirotekniku ta’ diversi festi.

Filfatt fil-ħin tal-isplużjoni kienu qed isiru tħejjijiet b’rabta mal-festa ta’ San Pawl tal-Munxar Għawdex.

Din l-isplużjoni fil-Kamra tan-Nar fis-Salini, limiti tan-Naxxar hija l-ewwel waħda sa minn Ottubru ta’ sentejn ilu.

Propju fit-tletin ta’ Ottubru tal-2016 b’xorti tajba ħadd ma weġġa’ fi splużjoni li seħħet fil-kamra tan-nar taċ-ċintura l-Gudja.

Dakinhar kien hemm diversi murtali lesti biex jinħarqu wara li fil-ġurnata ta’ qabel kien tħassar il-programm kollu tan-nar, minħabba l-maltemp li kien hemm.

Ara wkoll: http://www.one.com.mt/news/2018/05/26/dahna-fl-inhawi-tan-naxxar-17/

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend