Eqreb lejn it-tneħħija tat-tankijiet tal-fuel f’Birżebbuġa – One News

Notifiki

Eqreb lejn it-tneħħija tat-tankijiet tal-fuel f’Birżebbuġa

Residenti minn Birżebbuġa, b’mod partikolari dawk li jgħixu viċin il-ħażna tat-tankijiet tal-31 ta’ Marzu qed jistennew b’ħerqa s-sena d-dieħla għax se tkun tfisser li jispiċċaw proġetti li se jagħtu d-daqqa tal-mewt lil dawn it-tankijiet tal-ħażna tal-fuel li l-Gvern wiegħed li se jneħħi. Ikkonferma dan il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi li fil-Parlament kien qed iwieġeb mistoqsija tad-Deputat Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi.

Mizzi qal li kif kien imħabbar qabel, sabiex is-sit ta’ Birżebbuġa jingħalaq darba għal dejjem, iridu jiġu fi tmiemhom tliet proġetti maġġuri li bħalissa qegħdin fil-fażi ta’ kostruzzjoni. Dawn il-proġetti kapitali se jiswew lill-kumpanija Enemed mas-€70 miljun u huma:

Il-proġett ta’ rinnovar tat-tankijiet ta’ taħt l-art, liema proġett beda fil-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena u huwa stmat li jkun lest sa Diċembru tal-2019.

Il-proġett tal-filling station ġdida u uffiċini ġodda f’Ħas-Saptan fejn dan il-proġett beda wkoll f’Jannar ta’ din is-sena u huwa stmat li jkun lest ukoll sa Dicembru tal-2019.

Il-proġett ta’ bdil tay-tankijiet kollha tal-ħażna ġol-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-ewwel fażi tal-proġett hija lesta u f’Ġunju għandha tibda t-tieni fażi li mistennija tkun lesta wkoll sa Diċembru tal-2019.

Id-Deputat Zrinzo Azzopardi rreaġixxa għal din it-tweġiba billi qal: “Dan it-tagħrif ikompli jikkonferma kemm il-Gvern huwa kommess favur ir-riġenerazzjoni ta’ Birżebbuġa. Wara li qabel l-elezzjoni kien tħabbar li t-tankijiet se jitneħħew, issa hemm data definita meta t-tankijiet mhux se jintużaw. Bħalma dan il-Gvern wettaq il-wegħda li tiżżarma l-power station tal-Marsa u se jżarma t-tankijiet tal-fuel f’Birżebbuġa. Nemmen li kull żvillup ġdid fuq dan is-sit għandu jsir wara konsultazzjoni sħiħa mar-residenti ta’ Birżebbuġa.

Il-gazzetta KullĦadd tkellmet mar-residenti:

Leanne Abela Grech:

Nifs fil-pulmun ta’ Birżebbuġa, hekk inqabbilha din l-aħbar. Nibda bil-viżwal, hija ħolma li mit-triq li twasslek għal Birżebbuġa ma tarax aktar tankijiet kbar jilqgħuk, u s-sena d-dieħla din se ssir realtà. Iżda, l-aktar importanti huwa li b’din id-deċiżjoni se tkun imħarsa s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti tal-madwar u nies oħra li jiffrekwentaw iż-żona.

Art li hija mitqlu deheb, u nemmen li tista’ tkun ċentru t’attivitajiet li jħallu impatt pożittiv kemm għall-komunità kif ukoll għall-kummerċ. U hekk kif ġara fil-Kottonera, li bħal Birżebbuġa hija parti minn port, il-valur tal-propjetà jingħata prezz aktar denju.

Sue Bonnici:

Fl-aħħar wasal iż-żmien li r-residenti ta’ Birżebbuġa jieħdu lura ftit għal dak li ssagrifikaw minħabba l-inkonvenjent li ħoloq il-freeport. L-aktar bżonnjuż huwa parkeġġ taħt l-art, għax sajf u xitwa l-parking problema. Nispera li jinbena kumpless sportiv magħluq li jista’ jintuża anke fix-xitwa, jew xi hotel li terġa’ ġġib lura t-turiżmu lejn in-naħa t’isfel. Ħafna jixtiequ li ssir dar tal-anzjani li ilna nistennewha, però dak li żgur jixtiequ r-residenti kollha huwa li parti minn din l-art issir ġnien pubbliku mimli siġar.

Justin Ebejer:

Għalija bħala resident ta’ Birżebbuġa din l-aħbar kienet sabiħa ferm. Ir-raġuni mhux biss għax se titneħħa pjaga ambjentali li kerrhet iż-żona għal tul ta’ żmien, u li issa se titgawda minn kulħadd, imma hemm ukoll il-lat tas-saħħa u s-sigurtà. Is-sit li se jitnaddaf minn kull kontaminazzjoni żgur se jevita kull detriment li b’xi mod seta’ jolqot lilna r-residenti tal-madwar.

Charles Tanti:

Dan huwa pass pożittiv ħafna għalina r-residenti ta’ Birżebbuġa. Din hija wegħda li ilha snin tiġi mwiegħda lilna u fl-aħħar, grazzi għal dan il-Gvern, se ssir realtà. Nittamaw li ż-żona kollha eventwalment tiġi żviluppata b’tali mod li biha jkunu indirizzati ċerti bżonnijiet li hawn fir-raħal, bħal dar għall-anzjani, parkeġġ taħt l-art, ċentru għaż-żgħażagħ, żona rikreattiva għat-tfal u għall-anzjani. Forsi parti minnha tista’ tintuża wkoll bħala uffiċini għall-Kunsill Lokali għax fejn qiegħed mhuwiex daqshekk ċentrali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend