Il-Pulizija tinsab għaddejja bi tfittxija għal żewġ persuni barranin u ieħor Malti li l-Ġimgħa waranofsinhar ħolqu paniku kbir fost għexieren ta’ ħaddiema ta’ kumpanija fi Triq l-Iskultur f’Ħal Qormi.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu ma’ one.com.mt li l-każ seħħ fis-2.00 p.m., meta l-irġiel li wieħed minnhom jaħdem bħala bouncer f’Paceville, allegatament daħlu fil-bini tal-kumpanija OzO System Cleaning u werwru lill-ħaddiema li fil-maġġoranza tagħhom ingħalqu f’garaxx.
Fl-istess waqt it-tlett irġiel allegatament bdew jheddu lis-sidien li ħa jkissru kull m’hemm bihom.
L-istess sorsi qalu li l-irġiel ħarbu minn fuq il-post wara li kissru ħġieġa u bdew jheddu lis-sidien biha.
ONE News jinsab infurmat li immedjatament bdiet tfitxijja għall-aggressuri.
Hu mifhum li l-inċident seħħ wara li l-kumpanija inkwistjoni rebħet kuntratt privat bit-tlett irġiel ippretendew li jerbħuh huma.