Alfred Sant jikkontesta dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ekonomija Maltija | One News

Notifiki

Alfred Sant jikkontesta dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ekonomija Maltija

F’Mistoqsija Parlamentari urġenti lill-Kummissjoni Ewropea Alfred Sant ikkontesta dikjarazzjoni tal-KE li l-ekonomija Maltija ġiet affettwata minn ‘non-performing loans’ (NPL). Dan wara li fil-Komunikazzjoni tas-Semestru Ewropew tal-2018 li ppubblikat din il-ġimgħa, il-KE qalet li “għadd ta’ stati membri tal-UE qed ikomplu jiġu affettwati minn ishma kbar ta’ ‘non-performing loans’. Rakkomandazzjonijet speċifiċi lil stati-membri kienu indirizzati lill-Bulgarija, Ċipru, l-Irlanda, l-Italja u Malta f’dan is-sens.”

Self mal-banek fejn l-imgħaxijiet dovuti u l-pagamenti li bihom il-kapital imsellef li ma jintraddx lura lill-bank jissejħu ‘non-performing loans’ (NPL) u huma problema kruċjali għal banek ewlenin madwar id-dinja. Dan waqqaf il-progress biex titwaqqaf għaqda bankarja fiż-żona ewro.

‘Non-performing loans’ huma punt ta’ tħassib f’verżjonjiet suċċessivi tas-Semestru Ewropew. Dan huwa proċess fejn il-KE tikkummenta dwar l-andament ekonomiku u finanzjarju tal-istati membri tal-UE. Il-KE tagħmel rakkomandazzjonijiet lil kull stat membru tal-UE imsejħa Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs).

Komunikazzjoni ġenerali mill-KE lill-Kunsill Ewropew turi dak li l-istati membri tal-UE ikunu mitluba jagħmlu f’dawn ir-rakkomandazzjonijiet (CSRs). Ma kien hemm l-ebda tħassib dwar ‘non-performing bank loans’ f’Malta fi snin riċenti. Il-Mistoqsija Parlamentari urġenti ta’ Sant titlob lill-KE tispjega għala inkludiet dan bħala tħassib fil-Komunikazzjoni ta’ dis-sena, meta l-istess punt ma jidher imkien fir-Rakkomandazzjoni Speċifika indirizzata lil Malta ta’ din is-sena.

Barra minn hekk, fl-analiżi ekonomika fir-rapport ta’ Marzu 2018, il-KE qalet li l-andament ekonomiku tajjeb ta’ Malta jinsab rifless fis-settur bankarju. Il-KE enfasizzat li ma hemm l-ebda riskji marbuta man-‘non-performing loans’ f’Malta li huwa 3.7% tal-Prodott Gross Nazzjonali.

L-MEP Malti qal li skond l-Awtorita` Bankarja Ewropea (EBA), il-medja ta’ ‘non-performing loans’ tal-banek Ewropej hija 4% tal-Prodott Gross Nazzjonali, ogħla minn dik ta’ Malta.

Għalhekk Sant talab lill-KE tikkjarifika x’tikkonsidra li jkun sehem “kbir” ta’ ‘non-performing loans’ tal-banek fil-pajjiżi tal-UE.

Skont il-proċedura ta’ Mistoqsija Parlamentari urġenti, il-Kummissjoni Ewropea hija marbuta li tirrispondi bi prijorita` l-intervent ta’ Alfred Sant.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend