Aktar servizzi qrib tiegħek | One News

Notifiki

Aktar servizzi qrib tiegħek

Ta’ kull ġimgħa nitratta s-servizzi governattivi u kemm sar faċli li ċittadin jagħmel użu minn dawn is-serviżżi permezz ta’ mezzi differenti disponibbli. Illum is-servizzi governattivi mhux biss jistgħu jiġu aċċessati mill-kumdità ta’ darek iżda minn kullimkien, għax jinsabu onlajn u saħansitra fuq il-mowbajl permezz ta’ numru ta’ mobile apps. Iżda mhux biss.

Servizz.gov, li hija l-aġenzija tal-Gvern li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha, joffri wkoll servizz ta’ ħlas tal-kontijiet tad-dawl fiċ-ċentri reġjonali. Minbarra li ċ-ċittadin jista’ jmur Gattard House Blata l-Bajda biex iħallas il-kont, jew inkella jħallas onlajn, jista’ wkoll iħallas il-kont tiegħu fiċ-ċentru reġjonali ta’ Raħal Ġdid. Dan is-servizz huwa disponibbli kuljum mit-Tnejn sas-Sibt mit-tmienja ta’ filgħodu sas-siegħa, minbarra nhar ta’ Erbgħa, bil-ħinijiet tal-ftuħ ikunu mill-ħamsa sas-sebgħa ta’ filgħaxija. Is-servizz se jiġi estiż f’ċentri oħra biex aktar ċittadini jkunu jistgħu jinqdew mill-qalba tal-komunità fejn jgħixu.

Kemm d-disponibilità kif ukoll l-aċċessibilità għas-servizzi governattivi sar iktar faċli. Fejn qabel iċ-ċittadin kien ikollu joqgħod jara kif se jsib tarf taħt liema Ministeru jaqa’ t-tali servizz, illum jista’ jċempel Freephone 153 u jiġi ggwidat immedjatament. Jista’ anke jfittex onlajn u jsib il-formolarju kollu tal-gvern fis-sit elettroniku servizz.gov.mt jew inkella jista’ jzur wieħed miċ-ċentri reġjonali biex jingħata informazzjoni jew għajnuna wiċċ imb wiċċ.

Is-servizz tqarreb iktar lejn iċ-ċittadin. M’għadux iż-żmien li ċ-ċittadin iterraq lejn il-Belt Valletta minn dipartiment għall-ieħor biex jinqeda iżda llum jista’ jinqeda mil-lokalità l-iktar qrib tiegħu mingħajr ħafna skariġġ u ħela ta’ ħin. Dan kollu sar mis-Servizz Pubbliku, mill-ħaddiema tal-Gvern li kultant mhux kulħadd iħares lejhom b’mod pożittiv. Imma dawn l-impjegati qegħdin hemmhekk għas-servizz taċ-ċittadin. Huwa minnu li tintalab ċerta dokumentazzjoni jew informazzjoni biex ċittadin ikun jista’ jirċievi t-tali servizz, iżda din mhijiex burokrazija żejda. Hija sempliċiment talba għal informazzjoni bżonnjuża biex tiġi proċessata t-talba tal-individwu.

Il-pass li jmiss issa huwa li ċittadin jagħti l-informazzjoni personali tiegħu lill-Gvern darba biss. Jiġifieri jekk inti tajt id-dettalji tiegħek lill-Uffiċċju tal-Passaporti m’għandekx għalfejn terġa’ tagħti d-dettalji tiegħek jekk qed tapplika għal servizz governattiv ieħor. Din hija l-viżjoni tas-Servizz Pubbliku, biex imbagħad jassigura l-għoti ta’ servizz ta’ eċċellenza liċ-ċittadin.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Send this to a friend