Tnejn min-nies mietu u 18-il ruħ sfaw midruba meta ferrovija ħabtet ma’ trakk li waqaf fuq linja tal-ferrovija viċin Turin.
Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet ANSA l-inċident seħħ għal ħabta tal-11:20 ta’ filgħaxija ħdejn ir-raħal ta’ Caluso. Wieħed mill-mejtin kien inġinier tal-ferroviji.Il-ferrovija kienet sejra minn Turin lejn ir-raħal ta’ Ivrea.
Is-sewwieq tat-trakk ma sofra l-ebda ġrieħi, bit-trakk ikollu liċenzja tal-Litwanja u kienet fi triqitha lejn maħżen fil-viċin.
L-operatur tal-ferroviji qal li l-barikati li jisseparaw it-triq mill-linja tal-ferrovija kienu mniżżlin kif suppost qabel ma waslet il-ferrovija. Għal raġunijiet mhux magħrufa, it-trakk baqa dieħel fuq il-barikati u spiċċa fuq il-linja tal-ferrovija, b’riżultat li tliet vaguni inqalbu.
Il-ħaddiema tas-salvataġġ għadhom għaddejjin b’ħidma biex iffitxu nies li possibilment għadhom maqbuda fit-tifrik.