Uffiċjali tal-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali ssoktaw bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-bomba li l-Erbgħa waranofsinhar splodiet f’razzett f’Ħal Għargħur. Il-bomba jidher li kienet fil-mira ta’ Kevin Ellul ta’ 42 sena magħruf bħala d-Doube Zero li jinsab jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu li l-bomba ħadet ftit tas-sekondi wara li Ellul fetaħ il-bieb tar-razzett. Madankollu l-Pulizija mhix teskludi li l-bomba setgħet kienet diġà fir-razzett u ħadet b’mod aċċidentali.
Kien biss il-Ħamis waranofsinnhar li l-Pulizija bdiet tiġbor l-evidenza minn ġor-razzett fil-Għargħur. Dan wara li fl-għodwa tal-Ħamis, krejn tal-kostruzzjoni beda jtella’ saqaf tal-planki li ġġarrfu mal-isplużjoni u li waqqfet lill-investigaturi milli jidħlu fir-razzett minħabba l-periklu li nħoloq.
Minn sbieħ il-Ħamis filgħodu bdiet ħidma bejn il-Forzi Armati, il-Pulizija u kuntrattur privat sabiex eventwalment jinteħħa s-saqaf u tiġrif fir-razzett fejn l-Erbgħa waranofsinhar allegatament splodiet il-bomba li ħalliet lil Kevin Ellul ferut gravi.
One News jinsab informat li l-kundizzjoni ta’ Ellul għadha waħda gravi fejn ġie stabbilit li ġarrab xi ġrieħi interni. Fil-fatt il-pulizija għadha ma tistax tkellem lill-vittma biex tibda tifhem aħjar jew tgħaqqad il-biċċiet ta’ x’seta kien il-motiv wara din l-isplużjoni. Dan minkejja li Ellul kien magħruf magħha minħabba każi ta’ droga.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu li l-Ħamis il-Pulizija kellmet diversi persuni fosthom il-persuna li kienet mal-vittma, kif ukoll ġabret diversi filmati minn kameras tas-sigurtà fil-madwar. Dan anke biex tistabbilixxi l-aħħar movimenti tal-vittma u tal-persuni u l-karozzi li kienu qed iduru fl-inħawi qabel u wara l-ħin tal-isplużjoni.
Fil-fatt l-istess sorsi qalu li għaddejja ħidma sabiex tiġi identifikata l-persuna li l-Erbgħa waranofsinhar wasslet lill-vittma fuq il-post u telqet ftit qabel l-isplużjoni.
Minkejja li l-Pulizija għad trid tiddendifika lil persuna li allegatament waslet lil Ellul fuq il-post, s’issa jidher li m’hemm ħadd suspettat b’rabta ma’ dan il-każ.
L-istess sorsi qalu li hu mifhum li l-bomba użata f’dan il-każ hija magħrufa bħala ‘Improvised Explosive Device’, madankollu għad mhux magħruf x’attiva l-bomba.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ qed jitmexxew mill-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan id-dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali bil-għajnuna tad-Distrett ta’ Birkirkara.