Is-Sibt li ġej tintlagħab il-finali tal-UEFA Champions League bejn Liverpool u Real Madrid.
Il-finali ħolqot entużjażmu kbir fost diversi dilettanti tal-futbol Maltin, tant li kienu bosta li ma ħasbuhiex darbtejn biex qatgħu biljett li swiehom elf u ħames mitt ewro.
Dan meta l-biljetti bdew jinbiegħu bil-prezz ta’ bejn sebgħin u erba mija u ħamsin ewro.
Uħud minn dawk li laħqu xtrawh meta t-timijiet kienu għadhom fi stadju bikri tal-kompetizzjoni, qegħdin jipprovaw idawru ewro tajjeb minnhom.
L-Ispettur Matthew Vella mill-Iskwadra ta’ kontra l-Frodi qal li ladarba nemmnu f’suq miftuħ m’hemm xejn illegali.
L-Ispettur Vella qal li “Jekk min qed jixtri jkun lest iħallas għal bejjiegħ diment li jkun ċar u miftiehem minn qabel wieħed m’għandux għalfejn jaħseb li hemm xi ħaġa ħażina.”
L-Ispettur Vella qal li hemm differenza bejn individwi li xtraw biljett u qed jaqilgħu xi ħaġa minnu u kumpaniji li jużaw din is-sitwazzjoni bħala negozju.
L-Ispettur sostna li “Wieħed jiddistingwi bejn one off u kummerċ ikun għaqli li jekk wieħed ikun qed jagħmel dan f’sens ta’ kummerċ jiċċekkja kollox mat-taxxa u jirregola ruħu.”
Madankollu tibqa’ l-biża’ dwar falsifikazzjoni tal-biljetti l-aktar meta jinxtraw mill-internet.
Bl-akbar diżapunt ikun li dak li mingħalih għandu l-biljetti f’idu, jispiċċa b’xiber imnieħer għax jinduna li hu falz.
Sostna li “Huwa importanti li wieħed jagħmel verfifiki online jigifieri, dati, ħinijiet, ismijiet, dettalji u jekk hux awtentiċi u jaghmel verifiki ma xi ħaddiehor li jkun għamel xiri u bejgħ ta dak it tip.”
Iżda dan jista’ jiġri għal dawk li jixtru l-biljetti minn fuq l-idejn ukoll.
L-Ispettur spjega wkoll li “Wieħed ma jagħmilx ħażin ikun jaf ma min qed jinegozja ez mobile number ismijiet email address dettalji bankarji biex anke jekk int tkun vittma ta’ frodi jkollok biżżejjed materjal”
Intant minkejja li l-Kiev se tkun mimlija bin-nies, ftit huma dawk li ser iqattaw l-iljieli hemmhekk għall-fatt li l-akkomodazzjoni fi Kiev hija bil-wisq għolja minħabba d-domanda qawwija.
Għal dan il-għan ħasbet il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air malta li b’titjira diretta li titlaq filgħodu u tiġi lura filgħaxija.