Uffiċjal għolja tal-Korea ta’ Fuq qalet li kummenti li għadda l-Viċi President Amerikan Mike Pence huma stupidi, f’mossa oħra ta’ inċertezza li tkompli titfa d-dubji fuq is-summit ippjanat bejn il-mexxejja taż-żewġ pajjiżi.
Choe Son-hui qalet li l-Korea ta’ Fuq mhix se titallab għal djalogu u wisset li jekk id-diplomazija ma twassal imkien din tista twassal għal sfida nukleari.
Fl-aħħar jiem iż-żewġ naħat wissew li s-summit tat-12 ta’ Ġunju jista jiġi pospost jew saħansitra mħassar, wara li Pyongyang wisset li mhix se ċċedi l-armi nukleari mingħajr garanziji ta’ tneħħija ta’ sanzjonijiet.Il-President Amerikan Donald Trump qal nhar It-Tlieta li għaddew li l-Korea ta’ Fuq għandha tosserva l-kundizzjonijiet li għamlet l-Istati Uniti biex it-taħditiet iseħħu.
Pence kien qal li l-Korea ta’ Fuq tista tispiċċa bħal Libja, meta Muammar Gaddafi spiċċa mneħħi mill-poter u maqtul minn ribelli fl-2011, tmien snin wara li kien ċeda l-armi nukleari. F’artiklu mtella fl-aġenzija statali tal-aħbarijiet tal-Korea ta’ Fuq, Choe qalet li Pence għamel rimarki meqjusa bħala imprudenti. Żiedet tgħid li kienet sorpriża li l-Viċi President Amerikan għamel rimarki injoranti u stupidi bħal dawn, u li l-għazla jekk iż-żewġ pajjiżi jiltaqgħux f’mejda tan-negozjati jew fi gwerra nukleari se tkun dipendenti fuq id-deċiżjoni u l-imġieba tal-Istati Uniti.
Sandanittant, il-Korea ta’ Fuq għada għaddejja bit-tħejjijiet biex iżżarma l-unika faċilita’ li tittestja l-armi nukleari. Grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali bħalissa jinsabu fi triqithom lejn is-sit fi Punggye-ri, post remot fil-pajjiż biex jassistu għaċ-ċerimonja tal-għeluq.