“Hawnhekk, fil-Fonderia Domus Dei, li tinsab f’Pomezia – ftit ’il barra miċ-ċentru ta’ Ruma, ħa l-forma l-monument tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Dom Mintoff.”
Hawn iltqajna mal-artist Malti Noel Galea Bason, li kien għaddej bl-aħħar irtokki.
L-espressjoni tal-Perit, magħruf ma’ bosta bħala Missier Malta ħielsa, tirriflett diversi aspetti tal-karattru tal-Eks Prim Ministru, kif spjegalna l-artist innifsu.
Noel spjega kif “Għandek id magħluqa li turi ċerta determinazzjoni, l-oħra miftuħa qisha tad-djalogu, tal-….qed tifhem? U l-ħarsa tipika tiegħu, dawk iċ-ċerti pożi li kien jagħmel. Ridt noħroġ is-saħħa tal-personaġġ.”
Sostna kif “Tkun ta’ liema parti tkun, il-memorja tal-Perit Mintoff hija ta’ bniedem determinat. Allavolja ma kellux ċerta statura, però kellu saħħa inkredibbli. Illi jiena ppruvajt noħroġ dawn il-karatteristiċi fil-monument li ħdimna.”
Fejn ħaddieħor ra xogħol lest, Galea Bason baqa’ jirfina, biex fl-aħħar il-monument ingħata x-xemgħa.
B’għoli ta’ madwar żewġ metri u ħamsa u erbgħin ċentimetru, dan il-monument fih tliet mija u ħamsin kilogramma ta’ bronż. Monument li l-artist Noel Galea Bason irfina fl-iċken dettalji, fosthom fl-idejn u fil-ħwejjeġ.
Il-proċess biex wasal għal dan il-prodott kien twil.
Spjegalna kif wara li ħadem il-monument ta’ Mintoff li jinsab f’Bormla, kompla bir-riċerka tiegħu biex f’dan il-monument joħroġ aspetti differenti tal-Perit.
Riċerka li wasslitu għal żewġ abbozzi, biex imbagħad beda jaħdem fuq wieħed minnhom ħalli jippreżentah lil kummissjoni ta’ Heritage Malta, u l-qraba tal-Perit.
Galea Bason qal li “Waqt li qed nagħmlu biddiltu kważi kompletament. U pproponejt dan it-tielet wieħed, iġifieri l-oħrajn ħadd ma kien rahom.”
Stqarr li “Naħseb ċertifikat aqwa mill-approvazzjoni tat-tifla tiegħu ma kellniex. Allura minn hemmhekk kellna l-fiduċja li nkomplu b’dak il-buzzett. Ingħogob mill-ewwel, ngħidha b’ċertu sodisfazzjon.”
Hawn beda l-proċess biex l-idea tieħu l-forma, bl-artist Malti jikkollabora bis-sħiħ mal-funderija Taljana biex fil-proċess twil biex isir monument, jifli kull dettall sakemmm ġie fondut fil-bronż.
Monument li jgħaddi minn għadd ta’ fażijiet u jinħadem f’numru ta’ biċċiet – f’dan il-każ madwar ħamsa – sabiex fl-aħħar jitferra’ l-bronż likwidu li jkun inħall f’temperaturi ta’ madwar elf u mitejn grad.
Dan sabiex fl-aħħar ix-xogħol jiġi wweldjat u rfinat sal-inqas dettall, daqslikieku nħadem f’biċċa waħda. Biex fl-aħħar nett tingħata patina fuq il-bronż, jiġi rfinat mill-ġdid, u mbagħad passata rqiqa bix-xemgħa bħala protezzjoni u sabiex jieħu l-kulur propja tiegħu.
Minn hawn ma jonqos xejn ħlief li l-monument jiġi ppakkjat u jintbagħat f’pajjiżna, biex lil hinn mill-filmati, in-nies tkun tista’ tgawdi dan il-monument fi Pjazza Kastilja ta’ dan il-personaġġ storiku li għadu ħaj f’bosta monumenti soċjali kbar li introduċa tul it-tmexxija tiegħu.