Tnedija taċ-Ċentru għall-Istudju u l-Prattika tar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti | One News

Notifiki

Tnedija taċ-Ċentru għall-Istudju u l-Prattika tar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti

Nhar it-Tlieta 22 ta’ Mejju l-Università ta’ Malta nediet uffiċjalment iċ-Ċentru tagħha għall-Istudju u l-Prattika tar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti – Centre for the Study and Practice of Conflict Resolution. It-tnedija kienet ippreseduta mir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, li fil-kummenti ta’ introduzzjoni enfasizza l-missjoni doppja taċ-Ċentru.

Il-Professur Vella spjega li ċ-Ċentru għandu l-għan kemm li jtejjeb ir-riċerka fid-dixxiplina akkademika tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti kif ukoll iservi biex isaħħaħ il-prattika tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti f’Malta u minn Malta.

Ir-Rettur enfasizza wkoll li l-kollaborazzjoni ma’ NGOs lokali u internazzjonali u ċentri akkademiċi jkunu komponent importanti fix-xogħol taċ-Ċentru. Fil-fatt, iċ-Ċentru twaqqaf b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ George Mason University’s School of Conflict Analysis and Resolution, l-eqdem u l-akbar istituzzjoni ta’ dan it-tip fl-Istati Uniti.

Bħala parti mit-tnedija, il-Professur Richard E Rubenstein mill-Iskola għall-Analiżi u r-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti ta lekċer bl-isem A Global Context for Malta’s Centre for the Study and Practice of Conflict Resolution (Kuntest Globali għaċ-Ċentru ta’ Malta għall-Istudju u l-Prattika tar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti).

Fil-lekċer tiegħu l-Professur Rubenstein enfasizza żviluppi fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fis-soċjetà dinjija li, f’dan it-tlaqqigħ ta’ ċirkostanzi, jagħmlu t-twaqqif taċ-Ċentru avveniment sinifikattiv ħafna.

Huwa kkonkluda li Malta hija l-post ideali għal istituzzjoni ddedikata għall-prattika tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend