Raġel ta’ 42 sena mill-Għargħur indarab gravi fi splużjoni qawwija li seħħet l-Erbgħa waranofsinhar f’razzett fi Triq Gargallo fil-Għargħur. Ir-raġel ġie identitifkat bħala Kevin Ellul bil-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa.
Il-vittma huwa magħruf bħala d-double zero.
One.com.mt jinsab infurmat li l-isplużjoni seħħet għall-ħabta tat-3.10pm.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu li kollox jindika li l-isplużjoni x’aktarx kienet kawża ta’ bomba intenzjonata. Żiedu jgħidu li l-vittma huwa magħruf mal-pulizija.
Sorsi fuq il-post qed jgħidu li l-bomba ġiet attivata malli l-vittma fetaħ il-bieb tar-razzett. Il-bieb nqala’ minn postu mal-isplużjoni.
Mill-informazzjoni li għandu ONE News, l-isplużjoni li nstemgħet minn bosta nħawi speċjalment min-Naxxar u anke minn limiti f’ San Ġwann, seħħet ġo razzett. Il-ġirien ħarġu wkoll minn djarhom maħsudin bil-ħoss qawwi li semgħu.
Persuna oħra li kienet viċin ix-xena fejn seħħet l-isplużjoni ma weġġgħatx.
Inġabru bosta persuni fuq il-post inkluż ammont ta’ pulizija u anke vetturi tal-protezzjoni taċ-ċivili.
Fuq il-post deheru wkoll qraba tal-vittma jistaqsu dwar saħħtu.
Fuq il-post issejħu wkoll membri tal-protezzjoni ċivili (Explosive Ordinance Disposal) kif ukoll membri tas-sezzjoni tal-isplussiv mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Jidher li l-persuna midruba nħarġet mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili nfushom u ttieħdet l-isptar Mater Dei fejn qed tiġi operata.
Ir-residenzi tal-madwar ġew evakwati. Jidher ukoll li għad hemm periklu fil-bini. Is-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta għadhom ma daħlux fil-bini minħabba dan il-periklu.
Saret ukoll ħsara fuq il-vetturi pparkjati fl-akkwata.
Fuq il-post marret il-Maġistrat Audrey Demicoli.
Aktar informazzjoni malli taslilna.