Fir-rapport tagħha dwar Malta, il-Kummissjoni Ewropea qalet li Malta mistennija tkompli tilħaq il-miri tal-budget b’surplus fl-erba’ snin li ġejjin waqt li d-dejn mistenni jinżel taħt is-sittin fil-mija 36 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross fl-2021.
Il-kummissjoni qalet li Malta mistennija tirreġistra surplus ta’ 0.6 fil-mija fl-2018 u 1.1 fil-mija tal-GDP matul is-sena id-dieħla, aħjar mill-miri stabbiliti.
Qalet li sostenibbilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi ta’ Malta għandhom sfida minħabba n-nefqa fuq is-settur tas-saħħa, il-kura fit-tul għall-anzjani u l-pensjonijiet. Qalet li s-sistema tal-pensjonijiet qed tħabbat wiċċha mal-isfida li tkun sostenibbli u fl-istess waqt toffri dħul xieraq għall-anzjani. Il-kummissjoni qalet li Malta tejbet is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet bis-saħħa tat-tkabbir ekonomiku u nnotat ukoll iż-żieda fil-pensjonijiet bil-għan li l-anzjani jkollhom pensjoni xierqa.
Il-Kummissjoni nnotat ukoll it-titjib fis-sistema tas-saħħa ta’ Malta u kif ġie rreġistrat tnaqqis fil-listi ta’ stennija fl-isptar. Madankollu nnotat li l-kura primarja qed tagħmel pressjoni fuq l-isptarijiet u s-servizz ta’ emerġenza. Il-kummissjoni nnotat ukoll l-inizijattivi li ħa l-Gvern għall-kura fit-tul tal-anzjani.
Il-kummissjoni ħeġġet ukoll lill-Gvern biex isaħħaħ l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjari biex tkun tista’ tagħmel superviżjoni aħjar tas-settur tas-servizzi finanzjarji. Qalet li waqt li s-settur tal-gaming ikkontribwixxa bil-kbir għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta, dan jista’ joħloq sfidi għall-integrità tas-sistema finanzjarja.
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qalet li Malta daħlet fis-seħħ l-aħħar direttiva Ewropea kontra l-ħasil tal-flus. Apparti dan innotat ukoll li l-Gvern ppreżenta strateġija biex jiġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
Fl-isfond ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu u riformi li saħħew il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u inċentivi għal aktar taħriġ tal-ħaddiema, il-Kummissjoni qalet li s-suq tax-xogħol f’Malta kompla jitjieb. Il-kummissjoni nnotat ukoll kif pajjiżna qed jistrieħ fuq il-ħaddiema barranin biex ilaħħaq mat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna u n-nuqqas ta’ ħiliet fost il-ħaddiema Maltin.
Qalet li l-inizjattivi li qed jieħu l-Gvern fis-suq tax-xogħol, fl-inklużjoni soċjali u biex jitjiebu l-ħiliet se jkomplu izda qalet li jeħtieġ li jiġu evalwati.
Il-Kummissjoni Ewropea żidiet tgħid ukoll li t-tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ Malta żied il-pressjoni fuq l-infrastruttura u r-riżorsi naturali ta’ pajjiżna. Qalet li s-settur tat-trasport qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi kbar infrastturali. Madankollu qalet li bil-pjan tal-Gvern li jinvesti €700 miljun fit-toroq u bl-istrateġija dwar it-trasport, in-nefqa ekonomika kawża tal-konġestjoni mistennija tonqos b’20 fil-mija.
Il-Kummissjoni tkellmet ukoll dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-isfida tal-iskart u ħtieġa ta investiment f’faċilitajiet ta’ riċiklaġġ.
Il-Kummissjoni qalet li Malta jeħtieġ li tkompli bl-isforzi li qed tagħmel biex tiġġieled il-korruzzjoni. Qal li titjib fil-qasam tal-governanza huwa kruċjali biex Malta żżomm ir-reputazzjoni tagħha bħala destinazzjoni internazzjonali għall-investiment.