Ikkonfermat free vote taparsi | One News

Notifiki

Ikkonfermat free vote taparsi

Fil-Parlament illejla kien ikkonfermat kif il-vot ħieles li Adrian Delia qal li se jagħti, kien vot ħieles taparsi, tant li d-deputati nazzjonalisti kollha vvotaw kontra l-ememndi fil-liġi tal-IVF.

Anke jekk kien hemm deputati li marru għand id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne b’suġġerimenti. Qabel ittieħed il-vot illejla fil-Parlament l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma ddikjaratx free vote kif wieħed ikun jistenna li jiġri f’ċirkostanzi bħal dawn.

Tant li l-uniku dikjarazzjoni li għamel il-whip kienet li Jason Azzopardi jinsab imsiefer jindirizza konferenza. Interessanti, li Jason Azzopardi, normalment voċiferu fuq kollox kien kemm xejn nieqes mid-diksussjoni fuq dan l-abbozz.

Intant, il-gazzetta KullĦadd ilha li żvelat li dan kien se jkun free vote taparsi. Fit-22 ta’ April l-gazzetta KullĦadd żvelat kif il-vot ħieles mill-Kap tal-PN dwar il-liġi tal-IVF kien se jkun vot ħieles taparsi. Dan għax il-Grupp Parlamentari kollu tal-Partit Nazzjonalista kien se jkun qed jivvota kontra l-emendi fil-liġi li jwasslu biex iktar familji jkollhom l-ulied.

Fil-Parlament, deputat wara ieħor tal-Partit Nazzjonalista qamu jopponu għall-emendi proposti mill-Gvern. Min għal raġuni u min għal oħra. Min konsistenti ma’ dak li dejjem emmen u min għax deher li kellu jċedi għall-pressjoni li qed issir minn gruppi li ilhom imwaqqfa ż-żmien u saħansitra l-Knisja.

Fil-fatt, kien irrapportat kif anke dawk li huma meqjusa bħala l-iktar liberali fil-Partit Nazzjonalista ma kinux lesti jappoġġjaw dawn il-bidliet fid-dieher u dan anke jekk ftit wara li kienu proposti l-emendi kien hemm laqgħa tal-eżekuttiv, li dwarha rrappurtat il-Maltatoday, li kienet waħda taħraq b’nies ta’ ħsieb differenti jiġbdu lejn direzzjonijiet opposti.

Fil-fatt, dik kienet laqgħa li l-Maltatoday ddeskriviet bħala ‘circus’.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend