Bir-rata ta’ qgħad l-inqas waħda fl-istorja, bejn elfejn u tlett elef impjieg ġdid fis-sena qegħdin jibqgħu battala minħabba nuqqas ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna.
Dan joħroġ minn studju kkummissjonat mill-Kamra tal-Kummerċ Maltija. L-istduju li ġie ppreżentat lill-membri tal-Kabinett joħroġ b’għadd ta’ soluzzjonijiet fosthom aktar inċentivi biex aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol, riformi edukattivi u sistemi anqas burokratiċi biex ħaddiema barranin jaħdmu f’Malta.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Maltija, is-Sur Frank V. Farrugia qal li s-sitwazzjoni preżenti fis-suq tax-xogħol f’Malta tista’ thedded il-produttività u l-kompetittività minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema.
Qal li bosta negozji f’Malta qegħdin isibuha dejjem aktar diffiċli biex jidentifikaw u jimpjegaw magħhom ħaddiema biex ikunu jistgħu jkabbru n-negozju tagħhom.
Nigel Mifsud, il-Policy Executive tal-Kamra tal-Kummerċ qal li l-akbar sfida li qed iħabbtu wiċċhom magħha n-negozjanti b’riżultat tat-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna minn sena għal oħra huma l-kundizzjonijiet preżenti fis-suq tax-xogħol.
Qal li Malta għandha bħalissa l-akbar suq tax-xogħol fl-istorja tagħha, l-akbar ammont ta’ ħaddiema barranin u l-anqas rata ta’ qgħad fl-istorja. Mikejja dan qal li n-negozjanti f’Malta qed iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol li qed iwassal għal nuqqas ta’ produttività.
Is-Sur Mifsud qal l-istudju żvela li ta’ kull sena bejn elfejn u tlett elef opportunità ġdida ta’ xogħol fis-sena qegħdin jibqgħu vojta. Għaldaqstant sostna li waqt li l-ħaddiema Maltin għaandhom jibqgħu l-ewwel preferenza, il-pajjiż ma jistax jiddependi fuq ir-riżorsi tiegħu biss biex ilaħħaq mad-domanda tal-ekonomija għax dan jista’ jhedded it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Maltija.