BIL-FILMAT: Proġett ta’ €55 miljun biex itejjeb is-sistema tat-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Proġett ta’ €55 miljun biex itejjeb is-sistema tat-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg ħabbar proġett ta’ €55 miljun b’ko-finanzjament minn fondi Ewropej biex ittejjeb is-sistema tat-traffiku fiż-żona ċentrali ta’ Malta, dik ta’ bejn l-Imrieħel u l-Mosta – żona li ta’ kuljum tara mat-30,000 vettura. Il-proġett għandu l-għan li jaqta’ bin-nofs il-ħin tal-ivvjaġġar fil-qalba tal-pajjiż, mill-Imrieħel, Triq l-Imdina f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard sar-roundabout tat-telgħa tas-Saqqajja li tgħaqqad Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat, il-Mosta u l-Imġarr.

Il-proġett imħabbar bħala s-Central Link Project  se jtejjeb ir-rotta li tintuża minn madwar 30,000 vettura kuljum, bejn in-naħa ta’ fuq u ċ-ċentru tal-pajjiż.

Il-proġett jinkludi t-twessigħ tar-rotta kollha għal żewġ jew tliet korsiji kull naħa u t-tneħħija ta’ tliet sistemi tat-traffic lights ewlenin li bħalissa joħolqu ħafna dewmien.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Ħ’Attard, il-Ministru Borg qal li dan il-proġett se jindirizza l-isfida tal-karozzi li jgħaddu minn toroq dojoq residenzjali fil-qalba ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara biex jevitaw li jeħlu fit-toroq arterjali. Fil-fatt, qal li b’dan il-proġett ser innaqqsu t-tniġġis tal-karozzi f’dawn l-inħawi bi 13%.

Central Link Project jinkludi wkoll żewġ kilometri ta’ korsiji għar-roti, 10 kilometri ta’ bankini u passaġġi għall-mixi.

Il-Ministru Borg ta ħajr lil dawk kollha li flimkien qed jaħdmu bla heda sabiex pajjiżna jkompli jtejjeb l-infrastruttura tiegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend