BIL-FILMATI: Għajnuna ta’ €10,000 għall-persuni li jadottaw tarbija minn barra ‘l pajjiż – One News

Notifiki

BIL-FILMATI: Għajnuna ta’ €10,000 għall-persuni li jadottaw tarbija minn barra ‘l pajjiż

“Kif jgħidu, t-tfal jimlewlek id-dar.. differenza kbira iva, issa għandek min jgħajjatlek Ma u Pa.. hija xi ħaġa kompletament differenti.. għax anka fis-sens li ma kellniex tfal, u issa għandna lil Mariah.. u anka li tgħidlek il-kelma Pa.. tidħollok fil-fond ta’ qalbek.”

Dan hu kliem Gerald Cardona, raġel li fi Frar li għadda sar missier għall-ewwel darba bil-wasla ta’ Mariah, tifla ta’ sitt snin mill-Indja. Gerald qalilna li hu flimkien ma’ martu Mary Lou damu iktar minn ħames snin jippruvaw jadottaw, u wara diversi tentattivi biex jadottaw minn pajjiżi Ewropej, rħewlha lejn l-Indja, fejn sabu lil Mariah.

Mary Lou, li issa saret omm qaltilna li l-isfidi tal-adozzjoni huma kbar.

“Aħna bdejn l-proċess fit-2013.. hemmhekk bdejna l-kors, imbagħad applikajna għall-Albanija u l-Islovakkja.. u bqajna nistennew għax qatt ma ġiet il-match.. imbagħad fetħet l-Indja sentejn ilu, u tfajna l-application għal hemm… u waslet il-match, u wara sena u nofs waslet Mariah.”

Dan il-proċess li jinvolvi spejjeż kbar se jittaffa bil-kbir bl-għajnuna finanzjarja li se jibda joffri l-Gvern lill-koppji Maltin li jixtiequ jadottaw.

F’konferenza tal-aħbarjiet fid-dar tal-koppja Cardona, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, ħabbar id-dettalji tal-iskema li se toffri massimu ta’ għaxar t’elef ewro, lil koppji li jaddottaw tfal minn barra ‘l pajjiż.

Spjega li l-għotja ta’ għaxar t’elef ewro, se tkopri l-ispejjeż tal-adozzjoni, fosthom biljetti tal-ajru, akkomodazzjoni fil-pajjiż barrani, u ħlasijiet legali fost oħrajn.

“Daħħalna fis-seħħ l-iskema li l-Gvern se jagħti €10,000, orġinarjament residenti f’Malta, li mbagħad jadottaw tifel jew tifla minn pajjiż barrani.”

Il-Ministru Falzon spjega li din l-iskema se tkun miftuħa għal kulħadd, u mhux se jsir capping fuqha, jiġifieri li kull minn f’dan il-perjodu jadotta minn pajjiż ieħor, se jirċievi l-għotja.

Hu qal li dawk kollha li l-adozzjoni tagħhom kienet iffinalizzata wara l-għaxra ta’ Ottubru tal-elfejn u sbatax ‘l quddiem, se jkunu jistgħu japplikaw għal din l-iskema.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend