Wara nuqqas ta’ sitt snin, it-tim Taljan Inter reġa’ sab postu fil-kompetizzjoni taċ-Champions League.
Dan hekk kif l-aħħar logħba tal-kampjonat tas-Serie A bejn Lazio u Inter kellha tiddetermina min se jispiċċa fir-raba post, u għaldaqstant post fil-kompetizzjoni prestiġġjuża Ewropea.
Wara 37 logħba, Lazio kienu fir-raba post b’72 punt, filwaqt li Inter kienu fil-ħames post b’69 punt. Rebħa għal Lazio jew dro kienet tifsser kwalifikazzjoni għaċ-Champions League għat-tim ta’ Lazio.
Dan filwaqt li rebħa għal Inter kienet tfisser li kienu jikkwalifikaw huma, hekk kif kienu jiġu punti ndaqs u jgħaddu Inter bil-konfront dirett, wara li fl-ewwel rawnd, il-logħba bejn iż-żewġ timijiet spiċċat fi dro ta’ 0-0.
Il-logħba tal-Ħadd filgħaxija tant mistennija rat lil Lazio jmorru fil-vantaġġ wara disa minuti, hekk kif xutt ta’ Marusic kien devjat minn Perisic u spiċċa fix-xibka.
Għoxrin minuta wara, D’Ambrosio ġab id-dro għal Inter, biex erba minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Anderson reġa poġġa lil Lazio fil-vantaġġ.
It-tieni taqsima kienu l-aħħar 45 minuta biex Inter isalvaw lilhom infushom, u ma naqsux milli jagħmlu hekk.
Fit-78 minuta, Inter ingħataw penalty wara foul fil-kaxxa, bil-captain Icardi ma jfallix u jerġa jqawwi t-tamiet tal-Interisti kollha.
Biex tlett minuti wara, minn corner għal Inter mogħti minn Brozovic, Vecino għola bir-ras u tefa l-ballun fix-xibka, u poġġa lill-Inter għall-ewwel darba fil-vantaġġ.