Il-Prinċep Harry u Delia | One News

Notifiki

Il-Prinċep Harry u Delia

 

Bosta Maltin weħlu mat-television jaraw it-tieġ tal-Prinċep imqareb u b’xagħru aħmar (qisu kuġin tal-Avukat Ġenerali Dr. Peter Grech). Ma neħodha bi kbira xejn li l-Maltin tinteressahom il-Monarkija Ingliża għal ħafna raġunijiet,  fosthom l-irbit li drajna bih mal-Ingilterra,  u kemm hu faċli għalina li nitħalltu mal-Ingliżi.  U ngħiduha wkoll kemm hawn nies li meta jħarsu lejn kunjomhom, isibu li ġejjin min-nisel Ingliż.  U ngħiduhom hemm oħrajn ukoll li l-anqas jafu li ġejjin minn dan in-nisel,  u l-unika waħda li kienet taf il-verità kienet ommhom.

Imma laqatni kemm tawh prominenza l-istazzjonijiet Taljani.  U għalkemm ma narawx wisq television minn Franza,  jidher li l-aktar magazines importanti f’Pariġi,  ħarġu bil-kopertina fuq dan iż-żwieġ.

Laqat ħafna l-fatt li kien il-Prinċep Charles, missier l-għarus,  li tella’ lil Meghan Markle  sal-artal.  Missierha ma kienx jiflaħ.  Imma dak il-ġest ta’ Prince Charles ġie interpretat, u ma jistax ikun mod ieħor,  kemm kienet aċċettata bħala mart il-Prinċep Harry.

Jien inqis li wara kollox dawn għażliet privati,  u ħadd ma jista’ jindaħal lil ħadd.  Però fil-każ tal-familja rjali Ingliża hemm tifsiriet qawwija ħafna.

Kulħadd jaf u ħadd ma ħeba li Meghan imnissla minn demm ta’ omm li ġejja min-nies tal-Afrika.  Tagħmel xi differenza ?  Għalija le,  imma  għal oħrajn iva.

U la żżewġu, jistennew li minn hawn u ftit żmien ieħor,  ikollhom ukoll l-eredi.  Ma jfissirx li għaliex missieru minn familja rjali,  demmhom blue,  u allura jitwieled jixbah lill-missier.   Jista’ jerbaħ id-demm Afrikan,  u jkollna l-ewwel tarbija ta’ lewn ta’ ġilda skura fil-familja rjali Ingliża,  li suppost tirrappreżenta r-razza pura Ingliża.

Forsi ma ndumux wisq sa ma naraw prinċep jew prinċipessa li huma bħal ħafna ċittadini oħrajn tar-Renju Unit.  Illum hemm nies fl-ogħla pożizzjonijiet li huma mnissla min-nies li mhux ta’ demm pur Ingliż.  Darba kont qed nitkellem mat-tifel fuq l-isptarijiet fl-Ingilterra u qalli li l-isptarijiet huma miżmuma min-nies li mhux ta’ nisel pur Ingliż,  jiġifieri n-nanniet u l-bużnanniet kienu Ingliżi tal-Ingilterra.   Wara kollox il-Prinċep Philip,  żewġ ir-Reġina,  twieled Grieg u Daniż,  twieled Korfu,  u qabel iżżewweġ lir-Reġina neħħa ċ-ċittadinanza Griega u dik Daniża.

Jien nixtieq inkun naf x’jaħseb Adrian Delia.  Dan iż-żwieġ juri li l-Ingliżi se jitilfu l-kultura tagħhom,  se jitilfu l-identità tagħhom,  se jispiċċaw minn dawk li huma u dejjem kienu ?  Se nitniġġżu ?

Jidher li l-Prinċep Charles li wassalha l-biċċa korsija sal-altar ma jaħsibhiex bħal Adrian Delia.  Lanqas in-nies li ferħu biha fuq barra,  u ħafna u ħafna minnhom kienu ta’ ġilda bajdanija (anzi aħjar jaħsbu ħalli jiġi ftit għax-xemx ta’ Malta u jieħdu ftit kulur!)

Meghan riedet tagħmel sinjal.  Kieku kien hemm Adrian Delia kien jiddarras żgur.  Riedet turi li n-nies ta’ ġilda sewda għandhom kultura.  Ġabet isqof li għamel priedka, ġabet il-Gospel Singers,  u dan kollu taħt is-saqaf ta’ Westminster Cathedral.

Id-dinja llum verament niżżlet il-fruntieri ħlief fejn sabet l-għanqbut tal-imħuħ.   Mhux faċli tnaddaf l-għanqbut.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend