“Għatxana għal ulied li qatt ma jista’ jkolli”. Hekk sostniet mara li fl-aħħar jiem ingħatat l-aħbar li t-trattament tal-IVF li kienet se tagħmel il-ġimgħa d-dieħla ftit li xejn hemm ċans li jirnexxi għax ġisimsha ma rreaġixxiex tajjeb għat-trattament li ngħatat fl-aħħar xhur bi tħejjija għall-IVF.
Il-mara spjegat kif għal snin twal kemm hi u kemm żewġha kienu ilhom is-snin jipprovaw inisslu l-ulied madankollu, ta’ kull xahar kienet tħoss dieqa f’qalbha kawża tad-disfatta li kien qiegħed iġib miegħu kull test tat-tqala.
Qalet li din il-frustrazzjoni kienet ż-żwieġ tagħha u kien għalhekk li wara ħafna ħsieb hija u żewġha għażlu li jirrikorru għall-IVF.
Spjegat kif “Kont ilni minn Frar illi għadda nħejji ruħi sabiex il-ġimgħa d-dieħla nagħmel l-IVF- b’sensiela ta’ trattamenti fosthom pinnoli li kont qiegħda nieħu sabiex inħejji lill-ġismi għal dak li kont ilni għal snin twal nixtieq li ngħaddi minnu- dik illi xi darba insir omm.”
Madankollu spjegat li minkejja dawn l-isforzi kollha li kienet qiegħda tagħmel sabiex issir omm, ftit tal-jiem ilu saret taf illi l-IVF li kienet ser tagħmel il-ġimgħa d-dieħla ftit li xejn kien ħa jkollha ċ-ċans li jirnexxi għax ġisimha ma rreaġixxiex kif suppost kellu jagħmel.
Qalet li “Għadni ma nistax nemmen dak li smajt b’widnejja fl-Isptar- repetittivament għadni qed inġib quddiem għajnejja l-mument li fih it-tabib ħares fiss lejja u b’ton minn taħt l-ilsien infurmani li għandi persentaġġ żgħir ħafna li jista’ jirnexxi l-IVF-dak il-ħin ħassejt id-dinja ser taqa’ fuqi- fis-subkonxju tiegħi bdejt ngħid li jaf forsi hemm xi żball”
Minkejja din l-aħbar, il-mara spjegat li hija provat issaqsi lit-tobba jekk tistax tagħmel tentattiv u tipprova tagħmel it-trattament tal-IVF. Madanakollu, ġiet infurmata illi jekk tagħmel dan, l-injezzjonijiet li kieku kellha tagħmel fl-IVF jistgħu jikkawżawlha tumur.
Sostniet li“L-unika tama li għad fadalli huwa li nadotta jew insib ruħ altruwista li lesta li ġġor it-tarbija tiegħi għal disa’ xhur sħaħ. Il-għala għandi niċċaħħad milli nsir omm? Milli jkolli lil xi ħadd isejjaħli mama? Għadni s’issa ma nistax naċċetta s-sitwazzjoni li sfajna fiha jien u żewġi; allura ngħid jien, jekk għada pitgħada l-liġi Maltija ser tippermetti mezzi oħra alternattivi sabiex ikollna tfal il-għala ma jistħoqqilniex illi nagħmlu użu minnhom u nsiru ġenituri?”