Il-gazzetta KullĦadd żvelat fil-ħarġa ta’ dalgħodu ritratti tal-monument li l-eks Prim Ministru Dom Mintoff se jkollu fi Pjazza Kastilja.
Kien irrapportat li l-mafkar tal-Eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Dom Mintoff, jinsab riesaq lejn it-tlestija tiegħu f’Ruma. Dan il-mafkar li l-Istat se jagħmel bħalma għamel fl-imgħoddi fil-każ ta’ Prim Ministri oħra se jsib postu f’post ċentrali f’Misraħ Kastilja, il-bini minn fejn Mintoff mexxa riformi kbar li raw lil pajjiżna jsir Repubblika u Ħieles. Il-monument huwa xogħol l-artist Noel Galea Bason li għamel ukoll il-monument ta’ Mintoff f’Bormla, belt twelid il-Perit. Monument li kien ikkummissjonat mill-Partit Laburista.
F’dan il-każ hija Heritage Malta li qed tieħu ħsieb ix-xogħlijiet, bil-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, jgħid li l-pajjiż se jkun qed isellem kif xieraq lil wieħed mill-ikbar ulied li kellu. “L-Eks Prim Ministru Mintoff se jkun qed jingħata t-tislima li jistħoqqlu mill-pajjiż li tant ħadem għalih. Ix-xogħol fuq il-monument qed isir minn artist rinomat u żammejna kuntatt regolari mal-familja. Dan kif sar f’każi oħra fosthom fix-xogħol fuq il-monumenti tal-Eks Presidenti tar-Repubblika Ċensu Tabone u Guido De Marco,” spjega l-Ministru Bonnici.
Il-Ministru Bonnici fakkar kif Dom Mintoff kien il-moħħ wara riformi kbar li raw lill-pajjiż jibni stat soċjali li hu l-għira ta’ pajjiżi oħra u li ċ-ċittadini tiegħu għadhom jibbenefikaw minnu sal-lum. Mal-gazzetta KullĦadd il-Ministru Bonnici kkonferma wkoll li l-monument se jkun inawgurat iktar tard dan ix-xahar wara li fil-jiem li ġejjin jitlestew l-aħħar xogħlijiet f’Ruma u jaqbad triqtu lejn pajjiżna.