Diġà huma madwar mitejn, il-persuni li applikaw għall-iskema tas-second time buyers. Miżura li tħabbret fil-Baġit għal din is-sena.
Żvelat dan il-gazzetta Kullħadd, li fakkret kif din l-iskema, immirata għall-middle class – tfisser it-tnaqqis fit-taxxa tal-boll sa massimu ta’ tlett elef ewro, li jitħallas permezz ta’ ċekk.
Dan għal persuni li, skont iċ-ċirkostanzi ta’ ħajjithom, ikollhom bżonn jew jaspiraw li jixtru dar oħra ikbar jew iżgħar milli għandhom. Skema li fl-istess waqt mistennija twassal għal akbar effiċjenza fl-użu tal-istock tal-bini f’pajjiżna.
F’din l-iskema, persuni b’diżabilità jingħataw għotja ikbar, u ġenituri ta’ familja li għandha tgħix magħha persuna b’diżabilita, jistgħu wkoll jikkwalifikaw għal din l-iskema taħt ċerta kundizzjonijiet.
Din il-miżura tkompli fuq il-passi tal-miżura tal-first time buyers li irreġistrat suċċess notevol. Skema li biha x-xerrejja jistgħu jiffrankaw sa ħamest elef ewro,.
F’din l-iskema, li ilha fis-seħħ mill-elfejn u tlettax, fl-ewwel erba’ xhur u nofs ta’ din is-sena, iġifieri sa nofs Mejju, il-kuntratti f’din l-iskema kienu jlaħħqu seba’ mija u ħamsa u sittin, biex il-persuni li gawdex minn din l-iskema din is-sena laħqu diġà l-elf u għoxrin.
Dan wara li bejn l-elfejn u tlettax u l-elfejn u sbatax kien hemm ħdax-il elf u erbat mitt kuntratt taħt din l-iskema, li bihom gawdew iktar minn ħmistax-il elf u tliet mitt persuna.
Miżura, spjega l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, li bdiet iddawwar ir-rota ekonomika u żblukkat l-istaġnar ekonomiku speċjalment fis-settur tal-kostruzzjoni.