Proġett ieħor kbir għall-immaniġġjar tat-traffiku f'żona ċentrali f'pajjiżna | One News

Notifiki

Proġett ieħor kbir għall-immaniġġjar tat-traffiku f’żona ċentrali f’pajjiżna

Fil-jiem li ġejjin mistenni jitħabbar proġett infrastrutturali kbir u innovattiv li mistenni jibdel il-mod ta’ kif ikun immaniġjat it-traffiku f’żona ċentrali ta’ pajjiżna. Żona li llum toffri fost l-ikbar uġigħ ta’ ras fl-iktar ħinijiet beżlin tal-ġurnata.

Dan se jkun wieħed minn sensiela ta’ proġetti ambizzjużi fil-qasam infrastrutturali għas-snin li ġejjin u l-Ministru Ian Borg ikkonferma mal-gazzetta KullĦadd li tlestew il-pjanti għal proġett mill-iktar interessanti li għandu jtaffi l-piż tal-ħin fit-traffiku partikolarment għal dawk li jużaw it-toroq arterjali ta’ Ħ’Attard.

“Nista’ ngħid li dan il-proġett huwa ħolqa waħda minn katina ta’ proġetti li għaddejjin biex nagħmlu t-toroq tagħna iktar aċċessibbli fejn wieħed ikun jista’ jivvjaġġa lejn id-destinazzjoni tiegħu b’mod iktar faċli,” qal il-Ministru Ian Borg li fisser li f’dan il-każ il-Gvern se jkun qed jonfoq miljuni ta’ ewro. 

“Wegħedna li se nagħtu importanza massima lill-infrastruttura u hekk qegħdin nagħmlu. F’dan il-każ ukoll se nkunu qegħdin inħejju infrastruttura għal Malta ta’ Għada. Iż-żmien li wieħed jaħseb għal soluzzjonijiet li wara ftit taż-żmien jafu ma jibqgħux jiswew spiċċa. Irridu nkunu ambizzjużi u nagħmlu proġetti li ngawduhom aħna, iżda iktar kruċjali minn hekk li jsibuhom lesti l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna,” qal il-Ministru Borg li fisser kif dan se jkun proġett li se jolqot lil kull minn jivvjaġġa minn jew lejn in-naħa ta’ fuq ta’ pajjiżna, inkluż l-Għawdxin.

Dan il-proġett se jibda fiż-żmien li ġej wara li joħorġu s-sejħiet għall-offerti meħtieġa u se jsir bl-istess ħsieb li sar il-proġett tal-Kappara u li bħalissa qed isir dak tal-Marsa, bil-għan li jinħoloq l-inqas inkonvenjent għal min juża ż-żoni milquta. Fil-Marsa x-xogħol għaddej b’ritmu mgħaġġel u bl-inqas inkonvenjent possibbli, filwaqt li marbut ma’ dan il-proġett hemm il-mini minn Santa Luċija għal Triq l-Addolorata li tħabbru fl-aħħar ġimgħat  biex jiġi ffaċilitat aktar it-traffiku f’dawn l-inħawi.

“Filwaqt li nifhmu li kull proġett li tagħmel joħloq xi tip ta’ inkonvenjent, illum daħħalna sistemi li dan inaqqsuh u ma jinħolqux iktar problemi fil-mument li nkunu qed naħdmu biex insolvuhom,” tenna l-Ministru Borg.

Hu fakkar kif minn Ġunju tal-2017 ’l hawn, ma sarux biss proġetti kapitali kbar, iżda l-Ministeru wettaq diversi proġetti oħra fit-toroq li xorta waħda ħallew effetti pożittivi fuq il-komunitajiet diversi tal-pajjiż. Huwa ta numru ta’ eżempji, bħal dawk ta’ Triq Santa Katerina ġewwa Ħ’Attard, Triq Bontadini f’Birkirkara, Vjal l-Indipendenza fil-Mosta, Triq il-Mitħna f’Ħaż-Żebbuġ, Triq il-Kanun f’Santa Venera, u Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq.

Għaddejja wkoll ħidma għall-proġett tat-twessigħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass. Dan tal-aħħar huwa proġett li kulma kien jitlob huwa ftit ħsieb—dak li twessa’ biex it-traffiku jkun aktar mexxej.

Bidla sħiħa fil-mod kif isiru l-affarijiet

Il-bidla fil-mod kif isiru l-affarijiet hija riflessa wkoll fil-fatt li fil-Parlament tressaq it-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija Infrastructure Malta. Infrastructure Malta hija l-aġenzija li se tkun qiegħda tieħu ħsieb l-implimentazzjoni ta’ pjan ambizzjuż li se jkun qed jagħti wiċċ ġdid lil Malta. L-aġenzija se tkun responsabbli mill-bini, l-immaniġġjar, it-titjib u l-manutenzjoni tat-toroq arterjali, residenzjali, u rurali, kif ukoll minn infrastruttura pubblika oħra fil-gżejjer Maltin.

L-aġenzija se tkun essenzjali sabiex tiġi ffurmata strateġija iffukata. It-titjib tan-network ta’ toroq fil-gżejjer Maltin mhuwiex sempliċement eżerċizzju ta’ allokazzjoni ta’ fondi lil numru ta’ kuntratturi biex iwettqu x-xogħol, imma ħidma ffukata fuq żewġ binarji. Filwaqt li jiġi onorat l-impenn tal-Gvern li jinbnew mill-ġdid u jiġu rranġati toroq eżistenti, l-aġenzija se tkun qed tistabbilixxi u timplimenta pjan fit-tul ta’ manutenzjoni tal-istess toroq li jiġi adattat skont il-ħtiġijiet tal-futur. Filwaqt li kulħadd ikun qed jistenna li t-triq li juża kuljum tkun minn tal-ewwel li titlesta, l-aġenzija trid tħares oltre minn hekk, u tikkunsidra l-istat tat-triq, l-esiġenzi tal-pajjiż u r-riżorsi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.

L-ewwel prijorità se tingħata lil dawk il-160 triq residenzjali li qatt ma saru qabel. Dawn huma toroq li fihom jgħixu n-nies u li ta’ kuljum ikollhom jagħmlu użu minnhom mingħajr asfalt. Il-Ministru saħaq li wħud minnhom ilhom hekk snin twal u ma jistax ikun li dawn in-nies jibqgħu jgħixu f’dawn il-kundizzjonijiet, u fil-fatt, ix-xogħol fuq uħud minn dawn it-toroq se jibda minn din is-sena stess.

Fl-istess waqt, għaddejja analiżi tal-istat tat-toroq tal-pajjiż sabiex tkompli tingħata prijorità lil dawk li l-aktar għandhom bżonn attenzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend