L-Awtoritajiet Brittaniċi għadhom iridu jġeddu l-visa tal-oligarka biljunarju Roman Abramovich, wara li din skadietlu x-xahar li għadda.
Sorsi qrib il-billjunarju qalu ma’ midja internazzjanli li r-raġuni ewlenija wara dan id-dewmien hija t-tensjoni li kulma jmur qed tiżdied bejn ir-Russja u l-pajjiżi mill-Punent.
Ir-Russu, li huwa wkoll il-President tal-klabb tal-futbol ta’ fama internazzjonali Chelsea, minkejja li jgħix f’Londra, kellu jirritorna lura f’pajjiżu wara li skadietlu l-viża tiegħu. Fil-fatt, huwa kien assenti mill-finali li t-tim tiegħu lagħbu, u rebħu, kontra t-tim ta’ Manchester United is-Sibt li għadda.
Jingħad li Roman Abramovich huwa t-tlettax l-iktar persuna sinjura fid-dinja, b’valur li jammonta għal disa punt tlieta biljuni.
Ħbieb ta’ Abramovich qalu mal-midja internazzjonali li l-applikazzjoni tiegħu ma ġietx miċħuda – madanakollu, qed iddum ferm iktar milli sippost biex tiġi proċessata.
Meta kkuntatjati dwar il-każ, l-awtoritajiet Brittaniċi qalu li ma jistgħux jikkummentaw dwar każijiet individwali.