Servizz pubbliku għalik | One News

Notifiki

Servizz pubbliku għalik

‘X’hemm isbaħ minn servizz pubbliku li jaqdik meta tiġi bżonnu’. Dan huwa kliem is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar hekk kif dalgħodu indirizza lill-uffiċjali pubbliċi fit-tmexxija tas-servizz pubbliku matul il-konferenza annwali bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018. Kliem li fih ħafna x’tixtarr għaliex jixhed ix-xogħol li sar f’dawn l-aħħar ħames snin fit-titjib fil-kwalità tas-servizz li jirċievi ċ-ċittadin.

Forsi ċ-ċittadin ftit li xejn jagħti kas tal-bidliet li saru fl-għoti tas-servizz għaliex dment li servizz qed jingħata b’mod tajjeb u mingħajr ebda skossi, malajr jindera. L-istess kif jindraw ir-rikonoxximenti minn istituzzjonijiet ewropej tal-isforzi li għamel is-servizz pubbliku Malti fl-għoti tas-servizz. Imma li kieku ma kinux dawn l-isforzi li taw direzzjoni ċara ta’ xinhu s-servizz pubbliku u fejn irid jasal, ma kien isir xejn.

Ejja nħarsu lura minn fejn beda s-servizz pubbliku ħames snin ilu. Ħames snin ilu ma kienx jeżisti ippjanar fis-servizz pubbliku, kull dipartiment kien jaħdem indipendentament mill-ieħor, iċ-ċittadin kien ikollu jaqdef għal rasu u jterraq lejn numru ta’ dipartimenti biex jinqeda, il-burokrazija kienet waħda mill-ikbar fatturi li kienet iddejjaq lill-poplu Malti. Iżda llum, ħames snin wara, kull min jagħmel parti mis-servizz pubbliku jħares lura u jara x’mixja twila mexa.

Illum is-servizzi governattivi ma ssibhomx biss fid-dipartimenti tal-gvern il-Belt Valletta iżda ssibhom fuq il-mowbajl tiegħek permezz ta’ numru ta’ mobile apps, issibhom fuq sit elettroniku wieħed li jospita fih il-formularju kollu tal-Gvern – www.servizz.gov.mt, issibhom f’numru ta’ ċentri reġjonali mifruxin madwar il-pajjiż. Saħansitra ssib għajnuna permezz tal-Freephone 153 li permezz tiegħu tista’ tingħata informazzjoni dwar is-servizzi governattivi. Iva, illum is-servizzi governattivi qed jiġru wara ċ-ċittadin u mhux iċ-ċittadin jiġri wara s-servizz.

U għalhekk illum jinħass element ta’ kburija li wieħed jagħmel parti mis-servizz pubbliku. Servizz pubbliku li qed jinbidel u jaġġorna lilu nnifsu maż-żminijiet. Għaliex x’jiswa li jeżisti s-servizz imma ċ-ċittadini mhumiex jinqdew? Is-servizz pubbliku qiegħed hemm għan-nies, qiegħed hemm għalik biex meta tiġi bżonnu, issibu. Kif għedt fil-bidu ta’ dan il-blog, forsi ftit huma dawk li jagħtu kas tat-tiġdid li qed isir imma li hu żgur hu li dan it-tiġdid jinħass kuljum. Jinħass minn dak l-istudent li kellu bżonn formola għal tali servizz u nqeda mit-tablet fil-kumdità ta’ daru, jinħass minn dik l-anzjana li ma kellhiex għalfejn tidħol il-Belt iżda nqdiet miċ-ċentru reġjonali tal-komunità fejn tgħix u nqdiet dik l-omm li sforz il-ħajja mgħaġġla li għandha, waqt li qed tistenna lit-tfal barra l-bieb tal-iskola laħqet applikatilhom għal servizz governattiv mill-kumdità tal-mowbajl tagħha.

Servizzi governattivi għand kulhadd minn kullimkien hija t-tema tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018. B’servizz.gov fuq quddiem nett biex joffri servizz ta’ kwalità lill-kull min jiġi bżonnu.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Send this to a friend