ARA: Għandu jingħata sinjal biex pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jisseħbu fl-UE – il-PM | One News

Notifiki

ARA: Għandu jingħata sinjal biex pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jisseħbu fl-UE – il-PM

Fl-istess waqt li għandu jkun hemm reżistenza biex il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jissieħbu fl-Unjoni Ewropea qabel jissodisfaw għadd ta’ kriterji, għandu jingħata sinjal biex ikun hemm negozjati magħhom, qal il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li indirizza s-summit li qed ilaqqa’ għall-ewwel darba wara aktar minn ħmistax-il sena lill-pajjiżi Ewropej mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Il-Prim Ministru qal li dawn il-pajjiżi huma importanti għal raġunijiet ta’ sigurtà u ta’ influss ta’ immigrazzjoni. Dawn il-pajjiżi għamlu żmien instabbli kawża ta’ gwerer. Għalhekk, tenna l-Prim Ministru, il-kwistjoni prinċipali hi dwar il-mentalità, hekk kif inhu importanti li dawn il-pajjiżi jkunu mħejjija u jagħmlu proċess li jinvolvi riformi ekonomiċi. Filwaqt li hu tajjeb li pajjiżi bħas-Serbja, bħall-Montenegro u bħall-Albanija jibagħtu ħaddiema tagħhom f’pajjiżi Ewropej inkluż f’Malta, hu essenzjali li jkabbru l-ekonomija tagħhom biex il-ħaddiema jkollhom l-opportunità li jaħdmu f’dawn il-pajjiżi.

Waqt laqgħa bilaterali, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-President tal-Kummisjoni Ewropea  Jean-Claude Junker tkellmu dwar il-ftehim tal-Qafas Finanzjarju Ewropew li bħalissa fuqu għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet.

Waqt li wieġeb għad-domandi tal-mezzi tax-xandir, il-Prim Ministru Joseph Muscat semma li sal-aħħar  ta’ din is-sena se jiġi kummissjonat il-proġett tal-Enemalta fil-Montenegro. Dan hu l-ewwel proġett internazzjonali tal-Enemalta, fejn sa ftit snin ilu kienet kumpanija falluta.

Meta kien mistoqsi dwar il-possibbiltà ta’ titjiriet diretti lejn dawn il-pajjiżi, il-Prim Ministru Muscat qal li l-Air Malta tħares lejn il-possibiltajiet kollha bil-għan li ssir il-linja tal-ajru tal-Mediterran. Dr Muscat ħabbar li l-Prim Ministru tal-Maċedonja se jżur Malta ftit tal-jiem oħra u waqt iż-żjara se jiġu esplorati opportunitajiet ta’ aktar koperazzjoni, ta’ xogħol u ta’ opportunitajiet ta’ investiment bejn iż-żewġ naħat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend