Kull persuna li trid taħdem jew diġa qedgħa f’impjieg bħala Care Worker għandha tirreġistra ruħha fir-Reġistru tal-Care Workers.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis waqt it-tnedija għall-konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-abbozz ta’ liġi dwar il-Care Workers. Liema liġi jekk tiġi approvata fit-tielet stadju ta’ qari fil-Parlament ser tkun qed tirregola din il-professjoni u fl-istess waqt tispeċjalizza f’dan l-impjieg li l-qafas prinċipali tiegħu huwa li jipprovdi kura ta’ kwalita’ għolja fl-oqsma residenzjali, fi sptarijiet kif ukoll fil-komunità.
Fid-diskors tiegħu, s-Segretarju Parlamentari spjega kif permezz ta’ din il-liġi dan it-tip ta’ xogħol ser ikun regolat bil-liġi voldieri min iħaddem ma’ jista’ qatt jimpjega persuna li tassumi l-irwol ta’ careworker mingħajr ma tkun reġistrata għall-fatt li tkun qed tinkiser il-liġi lhiema reati iġorru magħhom pieni serji fosthom dik ta’ priġunerija.
Sabiex tkun assigurata l-aqwa kura, dan l-abbozz ta’ liġi qiegħed ifisser x’inhu l-irwol ta’ care worker u fl-istess waqt jagħmel distinzjoni bejn careworker li għadu jibda kif ukoll care worker li ilu f’dan il-qasam tax-xogħol għal numru ta’ snin.
Waqt din il-konsultazzjoni pubblika, in-nies preżenti ser ikollhom l-opportunità li jinqasmu fi tlett gruppi sabiex b’hekk ikunu jistgħu jiddiskutu kif ukoll joħorġu bi proposti siewja favur din il-professjoni li hija tant importanti għal kull wieħed u waħda minna.