Sorsi qrib il-Pulizija kkonfermaw li fis-sigħat li ġejjin, iż-żagħżugħ li tajjar lill-Pulizija f’Ħal Luqa, mistenni jitressaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ qtil.
L-istess sorsi qalu li l-każ ħalla l-korp kollu xxukkjat u rrabbjat.
Il-Pulizija ta’ tmienja u erbgħin sena mis-sezzjoni tat-traffiku ġarrab ġrieħi serji wara li dik li kellha tkun spezzjoni ta’ rutina, għal ftit ma spiċċatx f’diżgrazzja hekk kif ix-xufier, ġuvni ta’ sbatax-il sena saq fuqu u kaxkru għal erba’ mitt metru. Il-kuntistabbli, missier ta’ tlett itfal tħalla mitfugħ taħt bankina fid-daħla taż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa.
L-inċident beda biswit ir-roundabout ta’ Ħal Luqa fejn għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart ta’ filgħodu, waqt li kien għaddej bil-qadi ta’ dmirijietu, il-Pulizija għamel sinjal lill-ġuvni biex iwaqqaf il-vettura tal-għamla Mercedes. Madankollu x-xufier m’obdiex l-istruzzjonijiet u allegatament saq għal fuq il-Pulizija bil-konsegwenza li qabdu taħt ir-roti tal-karozza.
Fuq il-post, immedjatament issejħu diversi membri tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei mmexxi mit-tabib tal-Emerġenza, Dr Michael Spiteri fejn taw l-ewwel għajnuna lill-vittma.