Int tfajtilna lil Jerome f’tebut taħt l-art iżda aħna se npattuhielek bil-kbir – One News

Notifiki

Int tfajtilna lil Jerome f’tebut taħt l-art iżda aħna se npattuhielek bil-kbir

Omm li tmien xhur ilu tilfet lil binha bil-marda kiefra tal-kanċer fl-età ta’ għoxrin sena qalet li llum binha għalaq wieħed għoxrin sena iżda se jkun qiegħed jiċċelebrah maż-żewġ ħutu fil-ġenna milli ma’ familtu.

F’ittra miftuħa lejlet għeluq snin Jerome Frendo li f’Ottubru li għadda tilef il-battalja mal-mewt, ommu Josette kitbet ittra miftuħa lil “misħut kanċer – il-marda li ħaditulna”.

B’ton ta’ rabja, tistqarr li llum Jerome suppost se jiċċelebra l-jum li fih kull ġuvni u xebba jkunu se jibdew l-ewwel passi biex isiru adulti iżda l-kanċer ħadlu dan id-dritt, meta invadielu ġismu u tefgħu f’tebut taħt l-art u ħalla lil ġismu jinqered.

“Għada suppost se niċċelebraw u nkantaw lil Jerome Happy Birthday, iżda minflok se nkunu qegħdin nibku quddiem ir-ritratt tiegħu”, qalet Josette.
Madankollu bi kliem determinat u b’kuraġġ ta’ sur, qalet li l-istorja ma waqfitx hawn għax “aħna se npattuhielek bil-kbir”. Qalet li bis-saħħa ta’ Jerome waqqfu fondazzjoni biex fejn il-kanċer jagħti l-uġigħ, huma jkunu ta’ balzmu u fejn ikun ta’ dwejjaq għall-batut huma jagħtu t-tbissima ta’ Jerome.

Din hija l-ittra sħiħa li kitbet Josette lejlet l-ewwel għeluq żmien binha mindu ħalla din id-dinja.

Għada l-għażiż tifel tagħna Jerome se jagħlaq 21 sena. Se jkun qed jiċċelebrah maż-żewġ ħutu fil-ġenna milli magħna.
Din l-ittra hi miktuba lil dik il-misħuta marda li ħaditulna!
Misħut Kanċer,
Għada, it-tifel tagħna Jerome, se jagħlaq 21 sena imma inti ma tajtux l-opportunità li jgawdi għeluq sninu magħna!
Għada, Jerome suppost ser jiċċelebra l-ġurnata fejn kull ġuvni u xebba jkunu ser jibdew l-ewwel passi ta’ adulti imma inti ħadtulu dan id-dritt!
Għada Jerome suppost kien ser jidher f’ġuvni mibni u sabiħ imma inti, invadejt lil ġismu, tfajtu ġo tebut taħt l-art u ħallejt lil ġismu jiġi distrutt!
Għada suppost aħna ser niċċelebraw u nkantaw lil Jerome Happy Birthday imma minflok se nkunu qegħdin nibku quddiem ir-ritratt tiegħu!
Għada suppost ser inkunu ferħanin nifirħu ma Jerome imma inti ħadtulna!
Iva,kissirtna bil-kbir!
Il-biki u l-weġġħa ta’ qalb m’huma qatt ser jieqfu u jfiequ għax aħna biss nafu x’ġuvni kellna u xi tlifna. X’teżor prezzjuż kien Jerome!
IMMA l-istorja mhix se tieqaf hawn għax aħna se npattuhielek bil-kbir.
Bis-saħħa ta’ Jerome, waqqafna SMILING WITH JEROME FOUNDATION biex
fejn inti tagħti l-uġigħ aħna se nkunu ta’ balzmu
fejn inti se tagħti d-disperazzjoni aħna se nagħtu t-tama kif kien jagħti Jerome u
fejn inti se tkun ta’ dwejjaq għall-batut aħna se nagħtu
t-tbissima ta’ Jerome!
Happy Birthday Jerome. Hu ħsiebna minn hemm fuq flimkien maż-żewġ ħutek trabi li inti ltqajt magħhom u qed tilgħab magħhom.
Jiena l-mama, il-papa u ħuk Jethro Frendo qegħdin nistennew bi ħġarna kollha sakemm tiġi dik il-ġurnata fejn ilkoll nerġgħu ningħaqdu flimkien, inkunu familja sħiħa u nkunu nistgħu ngħannqu u nbusu lil xulxin għal dejjem ❤️ ❤️ ❤️ ❤️ ❤️ ❤️

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *