Il-Bank Ċentrali ta’ Malta wieġeb għal allegazzjonijiet li għamel id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi meta allega li l-kredituri tal-Bank Pilatus qegħdin jitħallsu permezz tal-Bank Ċentrali.
Fi stqarrija, il-Bank Ċentrali qal li b’konformità mal-funzjonijiet bażiċi tiegħu li jaġixxi bħala bankier għall-banek, l-istituzzjonijiet tal-kreditu kollha li huma liċenzjati mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji l-MFSA, inkluż il-Bank Pilatus, huma obbligati bil-liġi li jkollhom kont ta’ depożitu ta’ riserva mal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Il-Bank Ċentrali qal li wara li fit-22 ta’ Marzu, l-MFSA ħatret lil Lawrence Connell bħala amministratur biex jieħu ħsieb l-assi kollha tal-Bank Pilatus u jieħu f’idejh is-servizzi bankarji u ta’ investiment tal-bank, kull tranżazzjoni li ssir minn dan il-bank permezz tal-kont li għandu mal-Bank Ċentrali, qed issir bl-approvazzjoni ta’ din il-persuna kompetenti.
Qal li dan qed isir b’konformità mal-miżuri implimentati mill-MFSA u għalhekk ma kien hemm ebda miżura ġdida mill-Bank Ċentrali li kellha għax tiġi kkomunikata. Sostna li dawn it-tranżazzjonijiet mill-bank, bħat-tranżazzjonijiet kollha li jsiru minn istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, isiru mill-impjegati fi ħdanu.
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ċaħad b’mod kategoriku li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għamel xi pressjoni fuq il-Bank Ċentrali.