Tnedija tal-inizjattiva 'Ċavetta Diġitali' – kors b'xejn dwar l-użu bażiku tal-internet | One News

Notifiki

Tnedija tal-inizjattiva ‘Ċavetta Diġitali’ – kors b’xejn dwar l-użu bażiku tal-internet

Is-Segretarji Parlamentari Silvio Schembri u Anthony Agius Decelis attendew għal lezzjoni dwar l-użu bażiku tal-internet bħala parti mill-inizjattiva ‘Ċavetta Diġitali’ – kors qasir immirat li jgħin lil dawk li għandhom minn 55 sena ’l fuq u li m’għandhomx ħiliet bażiċi ta’ ICT biex jitgħallmu ħiliet bażiċi għall-użu tal-internet.

Il-lezzjoni saret fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fl-Imġarr, wieħed minn fost it-28 ċentru madwar Malta u Għawdex li se jagħtu dawn is-sessjonijiet b’xejn.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri esprima sodisfazzjon għall-isforzi li qed isiru biex l-aspett diġitali jkun trasmess fl-anzjanità attiva. “Kulħadd irid ikun parti mill-ekonomija diġitali u għalhekk irridu nsostnu l-litteriżmu diġitali. Inizjattivi bħal ‘Ċavetta Diġitali’ jagħmluha possibbli għal membri fil-komunità li jitgħallmu kif jaċċessaw l-internet u b’hekk ikollhom aċċess għal informazzjoni vasta fuq livell globali”, qal is-Segretarju Parlamentari Schembri.

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis ħeġġeġ lill-anzjani jipparteċipaw f’din l-inizjattiva biex jidħlu fid-dinja diġitali. Anthony Agius Decelis qal li dawn il-lezzjonijiet se joffru taħriġ fuq: l-internet, l-email, il-media soċjali u x-xiri online. Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-għodda teknoloġika tista’ toffri diversi vantaġġi jekk tintuża b’mod tajjeb – għalhekk it-taħriġ li se jiġi offrut lill-anzjani tagħna, biex ikunu attivi fid-dinja diġitali. L-anzjani li jinteressahom jattendu għal dan it-taħriġ jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva billi jċemplu fuq 25903173.

Minkejja li l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali f’Malta hi kkunsidrata fost l-iktar robusta minn fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, Malta għadha taffaċċja l-isfidi biex jiżdied il-litteriżmu diġitali fost il-populazzjoni, l-aktar fost dawk li huma qrib li jirtiraw jew pensjonanti.

Meta wieħed iħares lejn din l-isfida mill-kuntest tan-numru ta’ servizzi li qed jingħataw online u fl-isfond ta’ avvanzi teknoloġiċi oħrajn bħal apparat domestiku li jinkludi funzjonijiet diġitali, wieħed jirrealizza l-importanza li jkollu ħiliet diġitali bażiċi.

Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni Edward Woods qal li l-Awtorità tibqa’ kommessa li tkun ta’ sehem fl-isforzi u fil-ħidma li qed issir biex jitjieb il-livell fil-litteriżmu diġitali fuq skala nazzjonali. Edward Woods żied li l-Awtorità hi fir-responsabilità li tassigura l-avvanzi ta’ Malta fuq numru ta’ kriterji fuq il-European Digital Agenda Score Board.

L-inizjattiva ‘Ċavetta Diġitali’ qed issir f’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni u s-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilita u Anzjanità Attiva u hi mmirata biex tnaqqas il-qasma diġitali u biex tintegra lill-pensjonanti ħalli jifhmu aħjar il-benefiċċji tat-teknoloġija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend