Fil-ġimgħat li ġejjin se jibda x-xogħol fuq bini ta’ kamra apposta f’waħda mill-btieħi tal-Isptar Mater Dei biex pazjenti li jkunu rekoverati l-Isptar jkunu jistgħu jiltaqgħu mal-annimali tagħhom.
Ix-xogħol fuq din il-kamra magħrufa bħala pet-cabin se jkun jista’ jibda wara li l-ġimgħa l-oħra, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permessi għal din il-kamra li se tkun mgħammra b’faċilitajijiet li jħasru s-saħħa tal-pazjenti.
Ix-xogħol fuq din il-kamra beda b’inizjattiva ta’ Sarah Caciha, omm Jacob Cachia, żagħżugħ li sa ftit tas-snin ilu kien qed jissielet għall-ħajtu fl-Isptar Mater Dei. Magħdur fuq is-sodda, huwa kien talab li jitlaqa’ mal-kelb tiegħu Peanut li kien iqisu bħala membru tal- famija.
Iżda minħabba n-nuqqas ta’ din il-kamra, Jacob kellu jinħareġ mill-Isptar fuq wheelchair u fuq il-bankina ħaddan miegħu lill-kelb.
Sena wara dak il-mument emozzjonali, ommu, Sarah bdiet ħidma biex pazjeni li jkunu l-isptar ma jibqgħux imċaħħda milli jiltaqgħu mal-annimali tagħhom. Proposta, li fi kliemha, intlaqgħet b’ħeġġa kbira mill-Gvern.
Cachia qaley li “Wara sena konna qegħdin fil-waiting area tar-radiology tal-isptar, ħabba l-MRI tat-tifel, u niftakar fuq il-mobile telali ritratt ta’ dakinhar, u ftakart x’kont inħoss dak iż-żmien meta ġara li ġara.. u reġgħet ħarġet dik il-mistoqsija.. għaliex m’hemmx kamra apposta għal mument sabiħ bħal din?”
Minn hemm, Sarah tkellmet mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li mill-ewwel laqa’ din l-idea u beda x-xogħol, biex din il-ħolma, ssir realtà.
Spjegat li “Bdejna l-pjanijiet għal din il-kamra, tkellimna mal-Pertiti.. u hemm ħafna red tape involut u ħafna regoli.. imma din il-ġimgħa ħarġet l-aħbar it-tajba, li l-permits ħarġu, u nistgħu nibdew nibnu din il-ħolma.”
Hi spjegat li l-proġett se jibda’ jitħaddem fl-Isptar Mater Dei, iżda m’eskludietx li fil-futur, jekk l-inizjattiva tkun suċċess, tikkampanja favur żoni simili fi sptarijiet oħrajn f’Malta.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, faħħar l-inizjattiva ta’ Sarah, u l-għaqda mhux governattiva SurviVor’s Malta. Saħaq li l-annimali kollha li jidħlu f’din il-kamra, jrid ikollhom ċertifikat mingħand il-vet tagħhom li huma b’saħħithom u li ngħtaw it-tilqim neċessarju.