L-iSpeaker Anġlu Farrugia ta ruling mitlub mill-membru parlamentari Simon Busuttil li lmenta li ma sarx rapport fidil u reali mill-portal ta’ One News tad-diskors tiegħu fil-parlament dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att tal-2012 dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Wara li kkwota diversi paragrafi mid-diskors ta’ Busuttil, l-iSpeaker qal li fil-portal kien hemm ukoll clip tal-għeluq tad-diskors. Madankollu, is-Sedja tifhem li meta l-MP Nazzjonalista qal li “ma nistgħux aħna nagħmlu affarijiet li huma akbar minna bħalma nagħtu xi dritt li jkollok tarbija meta la n-natura u anqas Alla ma jagħruhielek”, huwa kien qed jireferi għall-arġument dwar is-surrogazzjoni u allura ma kienx qed jgħid li fil-prinċipju huwa kontra l-IVF.
Fid-diskors tiegħu joħroġ ċar li fil-waqt li huwa favur l-IVF skont il-liġi tal-2012 li bħalissa qegħda in vigore, għamnilha ċara wkoll li huwa kontra l-emendi kollha li qed jipproponi l-Gvern, b’mod partikolari s-surrogazzjoni.
L-Ispeaker irrikmanda li One News jagħmel riferernza għad-diskors ta’ Busuttil fejn fil-waqt li jgħid li d-deputat Nazzjonalista huwa favur l-IVF skont il-liġi preżenti huwa kontra l-emendi kollha tas-surrogazzjoni u l-IVF fejn jidħol l-iffriżar tal-embrijuni proposti fl-abbozz tal-liġi li l-Kamra għandha quddiemha.