WASAL BIEX JIBDA L-KURRIKULU L-ĠDID – One News

Notifiki

WASAL BIEX JIBDA L-KURRIKULU L-ĠDID

Settembru li ġej mhux biss se jkun ifisser sena skolastika ġdida iżda se jkun ifisser ukoll kurrikulu ġdid għall-istudenti fi tliet snin partikolari. Dan hekk kif wara snin ta’ tħejjija u konsultazzjoni issa wasal iż-żmien li dak imfassal jibda jidħol fil-prattika bil-għan li l-istudenti jibda jkollhom esperjenza ta’ tagħlim iktar kompleta bil-mira li iktar tfal jirnexxu.

Il-bidla li se tidħol fis-seħħ fis-sena skolastika li jmiss tolqot il-Kinder 1, Year 3 fl-iskejjel primarji u Year 7 (Form 1) fl-iskejjel medji. F’dawn it-tliet gruppi, apparti t-tibdil kurrikulari li se jidħol, il-ġenituri se jirċievu assessment report tliet darbiet fis-sena fejn jingħata rendikont tal-progress tat-tifel jew tifla tagħhom. Mill-Year 4 tal-primarja sal-Year 8 (Form 2) tal-iskola medja ser jispiċċaw l-eżamijiet ta’ nofs is-sena filwaqt li jinżammu l-eżamijiet fl-aħħar tas-sena.

Kelliema għall-Ministeru tal-Edukazzjoni fissret kif “b’dan il-mod l-istudenti se jirbħu iktar ħin ta’ tagħlim fl-iskola. L-assessjar kontinwu li jsir matul is-sena se jissarraf ukoll f’marka li tkun parti, flimkien ma’ dik tal-eżami, tal-marka finali fl-aħħar tas-sena ta’ kull student. B’hekk il-marka totali u finali ser tkun parti minn dak miksub mill-assessjar kontinwu u parti mill-eżami.”

Mis-sena ta’ wara, 2019/20, ikomplu jiddaħħlu s-sillabi l-ġodda sena b’sena sakemm dawn jiddaħħlu għal year groups kollha fuq medda ta’ snin.

Fil-każ ta’ Year 9 (Form 3), Year 10 (Form 4) u Year 11 (Form 5), is-sena d-dieħla mhu se jsir l-ebda tibdil. Il-bidla hemmhekk se sseħħ fis-sena skolastika 2019/20 bħala parti mir-riforma My Journey. “Permezz ta’ din ir-riforma se jissaħħu u jiġġeddu s-suġġetti akkademiċi u jiżdiedu s-suġġetti vokazzjonali li jeżistu diġà. Se jiġu introdotti suġġetti ġodda vokazzjonali filwaqt li se jiġu introdotti programmi applikati ġodda wkoll,” kompla jkun spjegat.

F’dan il-każ dan it-tibdil se jidħol fis-seħħ fil-Year 9 (Form 3) f’Settembru 2019 u se jiġi rifless f’tibdil fis-sistema tas-SEC li se jkompli jissaħħaħ. Hawn ukoll it-tibdil fis-snin l-oħra jidħol fis-seħħ sena b’sena.

Dan it-tibdil ifisser li se jkun qed jiġi implimentat il-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim (Learning Outcomes Framework). It-tħejjijiet għal din il-bidla ilhom jissawru għal numru ta’ snin mill-pubblikazzjoni tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali (National Curriculum Framework) fl-2012 u wara l-publikazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-Edukazzjoni f’Malta 2014-2024 (2014), tal-Learning Outcomes Framework fl-2015, u ta’ Il-Vjaġġ Tiegħi: Nasal minn toroq differenti (2016). “Issa wasal iz-żmien li tibda l-implimentazzjoni ta’ din il-bidla. Il-bidliet se jsiru b’pass meqjus u gradwali għaliex huma bidliet importanti ħafna li għandhom ibiddlu b’mod pożittiv is-sistema edukattiva għall-ġid tal-istudenti kollha ta’ pajjiżna,” kompliet tgħid il-kelliema għall-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Kien spjegat li l-għan aħħari hu li tinbidel is-sistema preżenti bbażata fuq sillabi preskrittivi ħafna, mimlijin b’ħafna kontenut u assessjati prinċipalment permezz ta’ eżamijiet. Minflok, ser tidħol sistema li tiffoka fuq l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li kull student għandu jikseb fil-livelli differenti tal-vjaġġ edukattiv tiegħu jew tagħha. Se jitwessgħu l-modi kif jiġi assessjat jekk student ikunx kiseb l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi neċessarji. Dan se jsir billi l-assessjar ma jsirx permezz ta’ eżamijiet biss imma jingħata valur lix-xogħol li jsir mill-istudent f’diversi forom u metodi permezz ta’ assessjar kontinwu li ser jieħu post l-eżamijiet ta’ nofs is-sena. Se jkompli jingħata wkoll feedback regolari lill-istudenti u lill-ġenituri tagħhom dwar l-iżvilupp tal-istudenti lejn il-kisba tal-learning outcomes li jkunu qed jaħdmu biex jiksbu.

Naturalment, dan iġib sfidi għall-għalliema u għalhekk kien hemm investiment fit-taħriġ.

Is-sena l-oħra ammont kbir ta’ għalliema kienu involuti fi proċess ta’ konsultazzjoni u feedback dwar l-abbozz tal-learning outcomes. Is-sillabi li qed jiġu introdotti ssawru wara dan il-feedback. Bħalissa u sal-aħħar tas-sena skolastika, l-għalliema u l-edukaturi għaddejjin minn sessjonijiet ta’ żvilupp professjonali mmexxija mid-Dipartiment għal Kurrikulu u Tagħlim tul il-Ħajja fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Dan qed isir bi tħejjija għal dan it-tibdil. Matul is-sena skolastika li jmiss se jkomplu jsiru sessjonijiet ta’ taħriġ kemm fuq livell ta’ skola, kulleġġ u kif ukoll fuq livell nazzjonali. Id-Dipartiment qed jaħseb ukoll sabiex jissaħħu l-istrutturi ta’ sapport kurrikulari għall-iskejjel matul is-sena skolastika li jmiss.

Għall-ewwel darba wkoll il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol introduċa programm dwar il-well-being u l-immaniġġjar għall-kapijiet u l-assistenti kapijiet tal-iskejjel, u ser ikun qiegħed jassisti wkoll lill-għalliema li jkunu jeħtieġu servizzi ta’ sapport.

Iktar informazzjoni dwar it-tibdil li se jseħħ is-sena d-dieħla kif ukoll is-sillabi infushom jinsabu fuq http://www.curriculum.gov.mt

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend