Christian Camilleri ta’ ħamsa u tletin sena minn Ħal Kirkop tilef ħajtu traġikament tard is-Sibt filgħaxija wara li baqa’ dieħel f’siġra fi Triq Garibaldi fil-Marsa.
One News jinsab informat li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.00 p.m. meta għal xi raġuni Camilleri tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu tal-għamla Toyota Corolla u baqa’ dieħel b’impatt qawwi f’zokk ta’ siġra.
Ir-raġel kien qed isuq mill-Marsa lejn Santa Luċija meta kważi fit-tarf tat-triq qabad il-bankina fuq ix-xellug tiegħu, saq fuq il-ħamrija u baqa’ d-dieħla fis-siġra.
Fuq il-post issejħu bosta ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
Il-każ mill-ewwel deher li kien wieħed gravi tant li l-vittma ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Għal xi ħin kien hemm ukoll xeni ta’ qsim il-qalb bil-qraba ta’ Christian ma setgħux jemmnu dak li kienu qed jaraw quddiem għajnejhom.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Ian Farrugia li ħatar bosta esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta.
Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.