"M'għaddietx ġurnata li ma ħsibtx fiha" – l-ewwel Jum l-Omm mingħajr ommu | One News

Notifiki

“M’għaddietx ġurnata li ma ħsibtx fiha” – l-ewwel Jum l-Omm mingħajr ommu

Mhux kulħadd huwa xxurtjat biżżejjed li jgawdi u jqatta’ Jum l-Omm mal-persuna li ġabitu fid-dinja.

Realtà kiefra li qed jgħix il-preżentatur Alfred Zammit, li tilef lil ommu Helen aktar kmieni din is-sena.

Ma’ ONE News qal li ilu ġimgħa jaħseb fiha u għalkemm jipprova jderri bix-xogħol, jiġu mumenti meta l-ħsieb imur fiha biss.

Helen għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem fit-8 ta’ Jannar li għadda, u minn dakinhar Alfred stqarr li l-mewt ta’ ommu ġiegħlitu jikkumbatti ma’ emozzjonijiet li qatt ma kien esperjenza qabel.

Qal li kienet mara bl-iskola tal-ħajja; li bi bżulija liema bħalha ħadmet qatigħ biex rabbiet lill-ħamest uliedha.

 

“Kienet ta’ ispirazzjoni għalija biex qatt ma nfalli.”

 

Tkellem dwar il-jum li fih irċieva t-telefonata li bidlitlu ħajtu; meta bħal sajjetta fil-bnazzi sar jaf li ommu l-għażiża mardet b’kanċer rari ħafna. Meta ma setax jifhem għaliex il-persuna li tatu l-ħajja kellha tgħaddi minn dik it-tbatija.

Mument li fih ħass id-dinja tikkrolla madwaru.

 

“Li titlef lil ommok meta int għandek relazzjoni tajba magħha, li titlef lil ommok meta tħobbu lil xulxin u parti minn xulxin allura l-aħbar kienet qawwija, gravi, u minn dakinhar tal-aħbar sakemm mietet, il-ġranet kienu tal-biżà.”

 

In-niket li ħass tul dan il-vjaġġ kiefer kien bħal mewġ li ħabbat mal-blat f’mumenti li qatt ma kien qed jistenna.

Xahar wara xahar qatta’ l-iljieli ħdejha l-Isptar, meta fl-aħħar waslet il-ġurnata li l-aktar kien jibża’ minnha.

 

“Li rajt lil ommi tmut kienet iebsa ħafna. Mument li ma ninsih qatt, b’mod speċjali l-aħħar siegħa ta’ ħajjitha. Li taf li dik il-mara li tatek il-ħajja, li dejjem kienet hemm għalik, li dejjem ħabbitek, waslet biex titlaq hija iebsa.”

 

Erba’ xhur wara l-mewt t’ommu Helen, u fil-jum li jfakkar lil dawk li ġabuna fid-dinja, Alfred jappella biex ħadd ma jitlef il-ħin fil-vendikazzjonijiet, dwejjaq, pika jew lussu żejjed.

Fuq kollox jappella li min għandu lil ommu miegħu, japprezzaha.

 

“Sibu ħin, ta’ spiss, kuljum, morru arawha, ċemplulha, għannquha, għidulha Ma inħobbok għax illum jien ma nistax ngħidilha iktar Ma inħobbok. Min għandu ċ-ċans, anki min forsi għandu tfixkil familjari żgħir, jekk tista’ tirranġa irranġa. Il-ħajja qasira u lil min tħobb qis li tgħidlu qabel ikun tard wisq.” 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend