Ma kontx konxju li hawn daqshekk nies ibatu fis-skiet – L-Imħallef Sciberras | One News

Notifiki

Ma kontx konxju li hawn daqshekk nies ibatu fis-skiet – L-Imħallef Sciberras

Iċ-Ċermen tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni, l-Imħallef Philip Sciberras, tkellem mal-gazzetta KullĦadd dwar kif kemm ilu fil-kariga rrealizza iktar kemm hi kbira l-problema tal-infertilità.

“Kont naf li hawn koppji bil-kundizzjoni tal-infertilità imma ma kontx nimmaġina li hija daqshekk komuni. Sirt iktar konxju ta’ kemm hawn nies ibatu fis-skiet,” qalilna l-Imħallef meta mitlub jikkummenta dwar dak li jara quddiemu u l-bidliet li hemm bżonn. Fisser kif dawn il-koppji ma jiħdux deċiżjonijiet kif ġieb u laħaq u l-IVF ħafna drabi tkun l-aħħar tama.

“Normalment dejjem ikunu għaddew xi sentejn għaliex qabel ma jirrikorru għall-IVF dawn ikunu għaddew minn diversi proċessi oħra. L-IVF tkun l-aħħar tama tagħhom. Biss nista’ ngħid li mir-rapporti tal-Awtorità kellna koppji li kienu qed jagħmlu d-disa’ tentattiv għall-IVF fuq perjodu ta’ snin,” kompla jispjega l-Imħallef.

Fil-fatt koppja trid tgħaddi minn proċess mal-Awtorità biex tieħu s-servizz. Kull koppja li tapplika biex tagħmel il-proċess kemm fl-isptar pubbliku jew f’dak privat trid tiġi approvata mill-Awtorità skont l-eliġibilità kif mitlub mil-liġi. Fil-każ ta’ Mater Dei minħabba li l-maġġoranza tal-każijiet isiru hemm, dawn iridu jgħaddu wkoll mill-ART Prioritisation Committee sabiex jingħataw preċedenza skont il-każ. L-Awtorità hija rrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv u membru tal-bord, għax fl-IVF mhix first come first serve imma skont il-prijorità tal-koppja konċernata.

Mistoqsi dwar il-bidliet li hemm proposti, l-Imħallef tenna li filwaqt li hi r-responsabbiltà tal-leġiżlatur li jagħmel il-bidliet meħtieġa, l-Awtorità qiegħda hemm biex tirregola s-settur u tmexxi l-proċess b’serjetà.

Sciberras spjega: “Aħna bħala Awtorità nirregolaw is-settur, l-emendi fil-liġi jressaqhom il-leġiżlatur u aħna naraw li l-kliniċi liċenzjati jkunu qed isegwu l-liġi u l-protokolli tal-Awtorità. Biss issa wara ħames snin inħaddmu l-liġi preżenti, ir-riżultati kif ippubblikati mill-Awtorità juru biċ-ċar li r-rata ta’ suċċess hija baxxa speċjalment fejn jintuża bajd iffriżat. It-tibdil huwa wkoll meħtieġ fuq bażi ta’ ugwaljanza u l-avvanzi mediċi f’dan is-settur.”

Fil-fatt in-nuqqas ta’ użu ta’ avvanzi mediċi jwassal biex persuni jmorru jieħdu dan is-servizz barra l-pajjiż, kif ikkonferma l-Imħallef. “Iva ltqajna ma’ każijiet fejn minħabba nuqqas ta’ gameti l-koppja kellhom isiefru biex jagħmlu użu minn gameti ta’ donatur li f’Malta s’issa huwa llegali,” qal b’mod skjett iċ-Ċermen tal-Awtorità li għandha l-għan li tipproteġi wkoll l-embrijun. Affaċċjat bid-domanda dwar dan, l-Imħallef Sciberras tenna li l-iffriżar tal-embrijun mhuwiex xi ħaġa ġdida u spjega dak li ġara u dak li jista’ jiġri.

“Dak hu wieħed mill-funzjonijiet tal-Awtorità. F’Malta kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità mill-2013 diġà kellna ħames embrijuni krijopreservati biex nippreservaw il-ħajja tal- embrijun u mhux noqtluh. Minn dawn diġà ġew trasferiti tnejn fl-omm prospettiva u tlieta oħra għadhom ffriżati.

Nassiguraw lil kulħadd li għalkemm l-Awtorità ma tantx tagħmel ħoss fil-midja, din għaddejja b’ħidma kontinwa kemm mid-Direttur Eżekuttiv kif ukoll mill-membri tal-bord sabiex nassiguraw il-protezzjoni tal-embrijun kif ukoll l-interessi tal-ġenituri prospettivi u l-ulied li jitwieldu minn dawn il-proċessi,” kompla l-Imħallef li kellu appell biex kemm id-dibattitu jdum għaddej ikun hemm kawtela u rispett kemm lejn il-koppji li għaddejin mill-proċess u anki wliedhom.

“Bħala Awtorità nixtiequ li l-poplu inġenerali jifhem li kull tibdil fil-liġi se jkun regolat mill-Awtorità sabiex kull servizz jingħata bl-ogħla standards. Fl-aħħar nett nawguraw sabiex aktar koppji jkollhom iċ-ċans li jwelldu aktar tfal Maltin,” temm jgħid l-Imħallef.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend