LEJN POLITIKA NAZZJONALI KULTURALI – One News

Notifiki

LEJN POLITIKA NAZZJONALI KULTURALI

Fil-ġimgħat li ġejjin, id-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, ser iniedi sensiela ta’ laqgħat pubbliċi. L-għan ta’ kull laqgħa hu biex mal-pubbliku jiġi diskuss, issir analiżi u evalwazzjoni kif irridu l-kultura tiżviluppa f’pajjiżna fl-ewwel nofs tad-deċennju l-ġdid.

Din sejra tkun it-tieni darba li l-pajjiż qed joħloq politika nazzjonali kulturali. L-ewwel waħda ġiet imnedija fl-2011. Minn dakinhar, żviluppi globali u lokali bidlu għalkollox ix-xenarju kulturali. Uħud mill-miri fil-politika tal-2011 intlaħqu u kien hemm minnhom li anke ksibna fihom aktar suċċess milli kien mistenni. Sadanittant, twieldu wkoll sfidi ġodda. Il-proċess konsultattiv li sejrin nibdew ser jagħti bidu għal diskussjoni wiesgħa ma’ kull min hu interessat biex ikollna politika kulturali b’saħħitha u rappreżentattiva bejn l-2020 u l-2025.

Kull laqgħa ser ikollha tema. Nagħtu bidu billi nitkellmu dwar il-komunitajiet kulturali (żewġ laqgħat, waħda f’Malta fid-19 ta’ Mejju u oħra f’Għawdex fis-26 ta’ Mejju). L-attività kulturali fil-qalba tal-komunitajiet tagħna huma organizzati min-numru kbir ta’ għaqdiet volontarji u huma mmirati biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tal-istess komunità, l-interessi kif ukoll l-identità. Permezz ta’ ħidma volontarja, eluf ta’ Maltin u Għawdxin qegħdin jipparteċipaw f’attivitajiet tradizzjonali, filwaqt li qed jitwieldu komunitajiet ġodda li qed jagħtu lok għal diversità. Il-politika kulturali ġdida għandha tinkoraġġixxi għaqdiet non-governattivi sabiex jisfruttaw it-talenti lokali u trid tara kif komunitajiet tradizzjonali u dawk emerġenti jkollhom is-saħħa biex iservu ta’ katalisti għal dan l-iżvilupp kulturali.

Aspett ieħor importanti hu l-wirt kulturali għani li għandna (23 Mejju). L-iżvilupp mgħaġġel li qed jara pajjiżna ġab numru ta’ sfidi ġodda fejn tidħol il-preservazzjoni u l-immaniġġjar tal-wirt kulturali. Dan il-wirt għandu jitħares, jiġi protett u jkompli jsir magħruf aktar. Hemm bżonn nistaqsu lilna nfusna jekk l-istrutturi amministrattivi li diġà għandna u li ssaħħu aktar f’dawn l-aħħar snin, hemmx lok li jkomplu jiġu aktar infurzati.

Biex politika kulturali tkun waħda li tħares ’il quddiem, wieħed irid jagħti importanza lill-innovazzjoni kulturali u prattiċi kreattivi (24 Mejju). L-ekonomija kreattiva tagħna hi mibnija fuq is-sehem ta’ eluf ta’ individwi li permezz tal-ħiliet u talenti artistiċi, kif ukoll bis-saħħa tas-sens ta’ intrapriża li għandhom, qed jagħġnu dan is-settur. Il-politika l-ġdida għandha tagħti opportunitajiet u għodod ġodda biex dan l-iżvilupp ikompli jikber bħala parti integrali mill-ekononija ta’ pajjiżna. Barra minn hekk, il-politika kulturali għandha tappoġġja mudelli ġodda u tiffaċilita koperazzjoni bejn l-oqsma differenti tal-industrija.

Il-globalizzazzjoni saret parti minn ħajjitna. Għalhekk, l-artisti tagħna jridu jkunu parti minnha filwaqt li jkollna viżjoni ċara ta’ kif niftħu aktar il-koperazzjoni internazzjonali (30 Mejju). L-esperjenza internazzjonali ta’ kull min jaħdem f’dan is-settur tiftħilhom orizzonti ġodda b’impatt pożittiv fuq il-prattika tagħhom. Dan iġib miegħu effett fuq setturi oħra, bħal ngħidu aħna, fir-relazzjonijiet bilaterali, fl-iżvilupp, fit-turiżmu, kif ukoll fil-kummerċ.   Irridu naħsbu b’moħħ miftuħ, inkissru l-barrieri artifiċjali u nibnu l-pontijiet biex naslu għal koperazzjoni kulturali li tħalli l-frott.

Illum qed ngħixu f’soċjetà multikulturali, ta’ diversità kulturali u rridu nħaddmu politika ta’ inklużjoni (31 Mejju). Il-kultura trid tkun mezz li ġġib għaqda u inklużjoni għal kull min jgħix fostna, kemm jekk hu artist, kif ukoll jekk hu konsumatur. Politika ġdida għandha tassigura li individwi minn komunitajiet diversi u minn livelli kollha tas-soċjetà għandhom ikunu parteċipanti attivi fl-arti u l-kultura. Ma rridux bibien magħluqa għall-gruppi li qegħdin f’minoranza; anzi bil-maqlub irriduhom jipparteċipaw.

Minħabba li l-maġġoranza tal-artisti u dawk kollha li jaħdmu fis-settur kulturali joperaw permezz ta’ intrapriżi żgħar, kultant anke waħedhom bħala freelancers, l-istat professjonali ta’ dawn il-ħaddiema sar jeħtieġ attenzjoni partikolari (5 Ġunju). Għandhom sfidi partikolari. Hekk kif il-kontribut tagħhom lejn l-ekonomija sar aktar importanti u sostanzjali, il-politika kulturali ġdida għandha tindirizza s-sostenibilità tas-sehem tagħhom ħalli l-kwalità tal-prodott li huma joffru jkompli jkabbar l-ekonomija tagħna.

F’dawn l-aħħar snin, ir-reġjuni u l-kunsilli lokali bdew ikunu ferm aktar attivi fl-iżvilupp kulturali (16 ta’ Ġunju f’Għawdex). Il-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna sar miżgħud b’inizjattivi fil-komunitajiet. Biex nassiguraw is-sostennibbiltà tagħhom, oqsfa ġodda jridu jiġu mgħarbla li għandhom iwasslu biex ikun hemm ippjanar aħjar u kollaborazzjoni akbar bejn ir-reġjuni u l-kunsilli lokali kemm ta’ Malta kif ukoll ta’ Għawdex.

Il-ħiliet kreattivi, il-kapital kulturali u l-parteċipazzjoni fl-arti għandhom ikunu parti mill-edukazzjoni ħolistika. L-edukazzjoni kulturali (20 Ġunju) għandha impatt sinifikanti u pożittiv fuq l-iżvilupp tat-tfal. Għandha wkoll impatt fuq il-parteċipazzjoni u s-sehem attiv ta’ ġenerazzjoni ġdida li trid tkompli xxerred il-wirt kulturali. Il-politika kulturali ġdida trid tara mezzi ta’ tagħlim ġodda, kemm dawk formali, informali u mhux formali fil-qasam tal-arti, tal-midja u tal-kultura. Trid tipproponi miżuri kif mhux biss min jitgħallem, imma anke min jgħallem ikollu l-għodod ta’ tagħlim li jirriflettu ż-żminijiet moderni.

Il-quċċata ta’ dawn il-laqgħat tintlaħaq billi nindirizzaw liż-żgħażagħ, il-ġenerazzjoni futura (23 Ġunju). Il-prattika artistika taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni attiva hi dritt tagħhom li twassal għal ċittadinanza attiva, ħsieb kritiku u empowerment. Din il-politika trid taħseb biex iġġib sinerġija bejn il-kultura, l-għaqdiet taż-żgħażagħ u d-dinja tal-arti.

Kulħadd hu mistieden sabiex jieħu sehem attiv f’dawn il-laqgħat għax il-politika kulturali hi ta’ kulħadd u kulħadd jibbenefika mill-kultura għax din iġġib il-mistrieħ tal-moħħ flimkien mal-benesseri. Il-kultura toħroġ il-pożittività ta’ ġo fina.

Il-laqgħat kollha f’Malta ser isiru fil-Fortress Builders, il-Belt Valletta, filwaqt dawk f’Għawdex ser isiru fis-Sala Ewlenija tal-Ministeru għal Għawdex, Victoria. Il-laqgħat ta’ matul il-ġimgħa jibdew fis-6.00 p.m. Dawk li jsiru nhar ta’ Sibt jibdew fid-9.30 a.m.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend