Leġġendi ta' ACF Fiorentina f'Malta | One News

Notifiki

Leġġendi ta’ ACF Fiorentina f’Malta

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ħamsin sena mit-twaqqif tiegħu, il-Viola Club Malta se jorganizza logħba ta’ ħbiberija bejn eks plejers ta’ Fiorentina u eks plejers tat-tim nazzjonali Malti.

Il-Ġimgħa wara nofsinhar tħabbar il-programm b’rabta ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, bil-logħba se ssir nhar il-Ħadd sebgħa u għoxrin ta’ Mejju fis-sitta ta’ filgħaxija fil-grawnd ta’ Ta’ Qali.

Il-logħba bejn Malta Masters u Glorie Viola se ġġib lejn pajjiżna uħud mil-leġġendi tat-tim ta’ Firenze, li saru idoli tal-klabb matul is-snin.

Il-President tal-Viola Club Malta Darren Micallef qal li din il-logħba se ssir biex jinġabru fondi għal Puttinu Cares.

Dan filwaqt li spjega kif sabiex din tkun possibbli, il-klabb se jonfoq ammont sostanzjali ta’ flus li nġabru minn attivitajiet ta’ fundraising.

Il-President Onorarju Alexander Damato qal li l-idea nibtet madwar sentejn ilu, u bdiet timmaterjalizza waqt vaganza f’Firenze fl-elfejn u sbatax.

Fost il-plejers tal-Glorie Viola hemm Sebastien Frey, Roberto Ripa, Giovanni Guerrini, Franco Merendi, Maurizio Restelli u Marco Nappi.

Dan filwaqt li mal-Malta Masters se jilgħabu Johnny Bonello, Silvio Vella, Brian Said, Gilbert Agius, David Camilleri u Carmel Busuttil, fost oħrajn.

Id-dħul għal-logħba se jkun b’xejn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend