BIL-KONTIJIET ORĦOS F'IDEJNA | One News

Notifiki

BIL-KONTIJIET ORĦOS F’IDEJNA

Il-Ħadd li għadda Adrian Delia talab il-kontijiet tal-enerġija. Għax irid jgħid li ma roħsux.

Però minflok għand Delia kien hemm min ġie għandna bil-kontijiet biex bil-provi u bl-iswed fuq l-abjad jurina kif il-kontijiet imqabbla ma’ qabel il-bidla fil-gvern roħsu u dan b’mod sostanzjali.

Mhux għax kien hemm bżonn, iżda l-istħarriġ tal-gazzetta Kullħadd kien konferma oħra ta’ kemm kien hemm roħs sostanzjali fil-kontijiet tal-enerġija.

Kontijiet f’idejna għandna bil-gzuz iżda għażilna ħames eżempji.

Fost oħrajn rajna kont ta’ familja ta’ erbgħa minn nies li bħala medja taħli 735kWh għal kull kont li joħroġ. Ta’ dan il-konsum kienet tħallas €123.08 qabel ir-roħs għall-familji fl-2014. Illum ta’ dak l-ammont tħallas €86.99. Differenza favur il-familja ta’ €36.09. Roħs ta’ 29.3%.

Għal familja ta’ tlieta r-roħs ukoll kien konsiderevoli. Il-kont li għandna f’idejna juri familja li bħala medja taħli 590kWh, kull kont kienet tħallas €98.00. Illum tħallas €68.06 għall-istess konsum. Differenza favur il-familja ta’ €29.94 jew aħjar 30%.

Għal familja ta’ tnejn 547kWh f’kont wieħed kienu jiswew €28 aktar milli jiswew illum. Dan għax qabel ir-roħs tal-2014 kienu jħallsu €90.62 u llum iħallsu €62.62. Differenza li wkoll titla’ għal 30%.

U jekk iffranka kulħadd, min joqgħod waħdu mhux eċċezzjoni. Il-kont li għandna f’idejna juri li raġel li kien iħallas €37.84 qabel ir-roħs illum iħallas €24.60 ta’ 235kWh ikkonsmati. Differenza ta’ €13.24 jew aħjar 34% favur il-konsumatur.

Eżempji bħal dawn għandna biżibilju. Li hu żgur li f’kull każ li ġie f’idejna ma kien hemm ħadd li franka inqas minn 25%.

Statistika tal-Unjoni Ewropea kkonfermat li wara t-traħħis tal-2014 u l-2015, il-familji Maltin igawdu wħud mill-orħos tariffi fl-Ewropa. Konsegwenza ta’ dan, is-sena li għaddiet id-domanda għall-elettriku żdiedet b’aktar minn 6% fuq is-sena ta’ qabel.

Iktar minn hekk f’pajjiżi oħra qed jiżdiedu t-tariffi filwaqt li f’pajjiżna baqgħu l-istess.

Minkejja dan, il-kumpanija Enemalta m’għandha l-ebda ħsieb li żżid it-tariffi anke jekk hemm pressjoni internazzjonali.

Fost oħrajn fil-ġimgħat li għaddew, uħud mill-akbar sitt kumpaniji tal-elettriku fir-Renju Unit ħabbru żidiet qawwija fit-tariffi tal-elettriku tagħhom.

Il-British Gas, waħda mill-akbar kumpaniji tal-elettriku fl-Ingilterra, ħabbret żidiet ta’ aktar minn 5.5% li se jidħlu fis-seħħ fl-aħħar tax-xahar.

Bħalha se tagħmel il-kumpanija Scottish Power, it-tielet l-akbar kumpanija tal-elettriku, li se tgħolli l-prezzijiet ta’ ħafna mill-klijenti tagħha b’5.5% mill-bidu tax-xahar id-dieħel. EDF, kumpanija oħra li tipprovdi servizzi tal-elettriku, ħabbret żidiet ta’ 2.7% ukoll, wara li fl-2017 għolliet it-tariffi tagħha darbtejn, f’Marzu u f’Ġunju, bi 8.4% u 9% rispettivament. (EDF)

Il-kumpaniji qed iwaħħlu f’żidiet fil-prezz tal-gass naturali, u fl-ispiża tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-power stations Brittaniċi.

Diskussjoni simili għaddejja fl-Istati Uniti, fejn hemm tħassib li l-kumpaniji tal-elettriku ser jgħollu t-tariffi tagħhom fis-sajf li ġej, hekk kif id-domanda tal-elettriku se tkompli tiżdied.

F’Malta, li wkoll tuża l-gass naturali sabiex tipproduċi l-elettriku, mhux se jkun hemm tibdil fit-tariffi.

Fost oħrajn dan jiġri għax l-Enemalta għandha diversi ftehimiet għax-xiri tal-elettriku u tal-gass naturali fit-tul, li jassiguraw stabbiltà ta’ tariffi għas-snin li ġejjin.

Il-Partit Nazzjonalista ilu żmien ma jistax iniżżel il-fatt li l-Gvern żamm l-ikbar wegħda elettorali tiegħu; dik li jraħħas il-kontijiet tal-enerġija. Fil-fatt Adrian Delia mhux l-ewwel wieħed li fl-aħħar snin prova joħloq kampanja biex jagħti l-impressjoni li l-kontijiet ma roħsux. Dan meta r-roħs ħalla iktar minn €80 miljun fl-ekonomija Maltija. Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami u Tonio Fenech kienu fost dawk li provaw joħolqu dan l-ispin li ma twemminx għax in-nies raw differenza konkreta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend