Malta saret is-16-il stat membru—u l-ewwel wieħed mir-reġjun tal-Mediterran Ċentrali—tal-International Centre for Migration Policy Development (l-ICMPD).
Din l-organizzazzjoni intergovernattiva hija bbażata fi Vjenna u tgawdi status ta’ osservatur fin-Nazzjonijiet Magħquda. L-iskop tagħha huwa li toffri struttura ta’ appoġġ lill-gvernijiet, lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, li istituti tar-riċerka, u lil membri tas-soċjetà ċivili għal konsultazzjonjiet informali, filwaqt li tipprovdilhom pariri esperti u servizzi fil-qasam tal-koperazzjoni multilaterali fuq kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u ażil. L-istati membri l-oħra huma l-Awstrija, il-Bożnija u l-Ħerzegovina, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Serbja, l-Islovenja, l-Ungerija, l-Iżvezja, u l-Iżvizzera.
Is-sħubija ta’ Malta daħlet fis-seħħ wara l-approvazzjoni tal-Parlament, u sussegwentement bid-depożitu tal-Istrument tal-Adeżjoni mal-Ftehim li jistabbilixxi lill-ICMPD mad-depożitarju, li huwa l-Ministeru Awstrijak għall-Ewropa, għall-Integrazzjoni, u għall-Affarijiet Barranin.
L-ICMPD jimpjega ’l fuq minn 200 ruħ. Għandu missjoni fi Brussell kif ukoll uffiċċji u rappreżentanti reġjonali madwar l-Ewropa, l-Afrika ta’ Fuq, il-Lvant Nofsani, u l-Amerika Latina. L-Uffiċċju Reġjonali tiegħu għall-Mediterran infetaħ fil-Furjana, Malta, f’Mejju tal-2016 u jħaddem aktar minn 25 persuna.
L-ICMPD għandu, fost l-oħrajn, il-funzjoni tas-Segretarjat tal-Qafas tal-Belt Valletta, li ġie stabbilit waqt il-Laqgħa Għolja tal-Belt Valletta bejn il-mexxejja Ewropej u Afrikani li saret f’Malta fl-2015. Illum, il-Qafas tal-Belt Valletta żviluppa f’element essenzjali tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi sħabha fl-Afrika, u dan huwa qasam fejn Malta kellha u għad għandha rwol attiv. Barra minn hekk, l-ICMPD qed twettaq diversi progammi relatati mal-migrazzjoni fil-Libja. Għaldaqstant, Malta tqis is-sħubija tagħha wkoll bħala l-mod ideali kif isaħħaħ sehemha bħala parteċipant attiv fuq ir-rotta migratorja tal-Mediterran Ċentrali.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela qal li, “Malta issa ilha taħdem mal-ICMPD għal għadd ta’ snin, u din ir-relazzjoni baqgħet dejjem tissaħħaħ. Is-sħubija fl-ICMPD kienet, allura, il-pass naturali li kien imiss. Issa dħalna f’fażi ġdida u aktar sinifikanti, u ninsabu ħerqanin biex insawru sħubija dejjiema u produttiva mal-ICMPD u mal-istati membri l-oħrajn tagħha.”
Ritratt:MFTP