B’investiment ta’ mija u tletin elf ewro nbidlu l-ewwel għaxar karozzi tal-Pulizija fid-distretti bil-pjan li jinbdilu erbgħin oħra fix-xhur li ġejjin.
L-Ispettur Jeffrey Scicluna mill-Għassa tal-Belt Valletta, sostna kif karozzi ġodda bl-aħħar teknoloġija jiswew daqs mitqlu deheb fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità. Qal li l-vetturi għandhom bosta funzjonijiet fosthom rondi, rapporti u ġarr ta’ persuni arrestati.
L-Ispettur spjega d-deċiżjoni li l-Korp imur għal karozzi iżgħar minn dawk preċedenti.
Sostna li “Fir-rigward tad-daqs tagħhom, wieħed irrid jinnota li dawn mhux dejjem jintużaw f’main roads, iżda l-maġġoranza fil-qalba tal-irħula, jiġifieri f’ toroq dojoq fejn jien nemmen li dawn se jkunu aktar utli fl-immanuvrar”
L-Ispettur Scicluna sostna kif l-Għases flimkien mad-distretti implimentaw strateġija li permezz tagħha qegħdin jiġu solvuti iżjed każi ta’ kriminalità permezz ta’ ‘patrols’.
Spjega li “Il-patrol ma jsirx bl-amment, iżda jkun hemm analiżi tal-istatistika taghna li minnha jiġu identifikati dawk il-‘hot spots’ jiġifieri problemi speċifiċi f’żoni partikolari u x-xogħol jitqassam aħjar u għalhekk għandek iktar ċans li taqbad lil xi ħadd fil-fatt
Iżda fuq kollox l-aktar ħaġa importanti qal l-Ispettur Scicluna hi li jiżdied il-kuntatt maċ-ċittadin. Qal li bħalissa għaddej eżerċizzju biex jiddaħħal il-kunċett ta’ ‘Community Policing’.
L-Ispettur Scicluna qal li “Ġew identifikati uffiċjali tal-pulizija, fejn xogħolhom se jkun li jagħmlu laqgħat u mal-komunità biex nidentifikaw aktar ‘hotspots’”
Biż-żieda ta’ dawn il-vetturi se tiġi mmodernizzata u msaħħa l-flotta preżenti fil-fergħat kollha tal-Puliziija, mhux biss fid-distretti iżda wkoll fl-iskwadri speċjalizzati.