Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li ġie ppubblikat ir-riżultat tal-proċess tal-għażla sabiex jintgħażlu l-organizzazzjonijiet volontarji li ser jibbenefikaw minn għajnuna finanzjara mogħtija mill-Ministeru għal Għawdex għat-twettiq ta’ proġetti żgħar, avvenimenti u inizjattivi ġewwa Għawdex matul l-2018.
Dsatax-il organizzazzjoni volontarja se jkunu qed jibbenefikaw minn €89,400 biex iwettqu numru ta’ inizjattivi varji fil-komunità. Fost l-organizazzjonijiet volontarji li kkwalifikaw għall-għajnuna finanzjara permezz tal-iskema Ministry for Gozo Non-Governmental Organisations Assistance Scheme, hemm numru ta’ għaqdiet kulturali, soċjetajiet mużikali, għaqdiet li jqajmu kuxjenza dwar kundizzjonijiet soċjali u mediċi u fil-qasam tal-ambjent.
Il-Ministru Justyne Caruana fakkret li din l-iskema, li tagħmel parti minn kullana ta’ inizjattivi u proġetti miġbura taħt Proġett Għawdex, għandha l-għan li jkompli jissaħħaħ u jitjib it-tessut soċjali, kulturali, ekonomiku u ambjentali ġewwa Għawdex. Dan jista’ jintlaħaq permezz ta’ ħidma konġunta bejn l-organizzazzjonjiet volontarji u l-Ministeru għal Għawdex.
L-ammont massimu ta’ assistenza finanzjarja li dawn l-organizzazzjonijiet volontarji ser jibbenefikaw minn din l-iskema ma jeċedix il-ħames t’elef ewro (€5,000). Kien hemm 36 sottomissjoni u l-proċess tal-għażla sar b’ħidma konġunta bejn l-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat. Il-lista sħiħa tal-organizzazzjoni volontarji kemm dawk li pparteċipaw kif ukoll ta’ dawk li ser jibbenefikaw tista’ titniżżel minn dawn il-websites; Ministeru għal Għawdex: www.mgoz.gov.mt, u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat: www.vofunding.org.mt
Il-Ministru għal Għawdex filwaqt li tirrringrazzja lil kull organizzazzjoni volontarja li pparteċipat f’din l-iskema, faħħret l-irwol siewi u l-impenn tagħhom fil-komunità. Il-Ministru Caruana fakret ukoll kif il-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji faħħar is-sistema li ġiet implimentata mill-Ministeru għal Għawdex biex il-fondi allokati għall-Għaqdiet Volontarji jitqasmu b’mod ġust u trasparenti. Hija saħqet l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħin lis-settur tal-volontarjat u li tkun sostnuta l-ħidma tagħhom ġewwa Għawdex.
Ritratt – MGOZ