Is-servizzi governattivi offruti lin-negozji | One News

Notifiki

Is-servizzi governattivi offruti lin-negozji

Is-Servizz Pubbliku qed ikompli jersaq aktar viċin iċ-ċittadin u joffri s-servizzi tiegħu b’mod aktar sempliċi, fil-qalba tal-komunità u b’inqas skariġġ.

Din hija viżjoni li mbarka fuqha s-Servizz Pubbliku tul dawn l-aħħar snin, bit-twaqqif ta’ servizz.gov. Għal min ma jafx jew qatt ma sema’ b’servizz.gov, servizz.gov huwa l-għoti ta’ servizzi governattivi minn ħames ċentri reġjonali; fil-Qawra, f’Ħal Qormi, f’Birkirkara, fil-Birgu u f’Raħal Ġdid. Servizz.gov huwa wkoll il-Freephone 153 kif ukoll is-sit elettroniku li fih issib il-formoli kollha tal-Gvern f’sit elettroniku wieħed. Iva, l-aċċess għas-servizzi kollha tal-Gvern sar daqshekk faċli. Iżda mhux biss.

Is-sena li għaddiet twaqqaf il-Business 1st, biex kif iċ-ċittadin qed jinqeda mill-one-stop-shops reġjonali, sid ta’ negozju jkun jista’ jinqeda minn post wieħed ukoll. Il-Business 1st jinsab l-Imrieħel u jservi ta’ ċentru li minnu n-negozji jinqdew taħt saqaf wieħed minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-VAT u tat-taxxa, tat-trasport u tat-turiżmu. Barra minn hekk il-Business 1st għandu wkoll il-Freephone tiegħu, dak ta’ 144.

Iċ-ċentru beda billi qeda l-ħtiġijiet ta’ 4,000 klijent, bl-aħħar ċifri uffiċċjali juru li nqdew ’l fuq minn 11,000. Dan huwa sinjal pożittiv u jkompli juri kemm servizz.gov qed iħalli r-riżultati mixtieqa. Minbarra t-twaqqif tal-Business 1st, kien hemm ukoll is-simplifikazzjoni tal-proċess għat-twaqqif ta’ negozju ġdid. Mil-lum ’l quddiem min huwa interessat li jiftaħ negozju issa għandu applikazzjoni waħda biss x’jimla u jista’ jimlieha online. Dan meta qabel kien ikollu jterraq lejn numru ta’ dipartimenti biex jimla’ iktar minn għoxrin formola. B’din is-simplifikazzjoni t-twaqqif ta’ negozju ġdid f’Malta jista’ jsir f’inqas minn tlett ijiem.

Dan kollu sar b’viżjoni waħda, li s-servizzi governattivi jkunu aktar aċċessibbli għall-pubbliku. Huwa s-servizz li jrid imur għand iċ-ċittadin u mhux iċ-ċittadin irid jara kif jagħmel u fejn irid imur biex jinqeda.

U servizz.gov qed jagħmel propju dan. Se jkompli jiġbor fi ħdanu servizzi eżistenti u oħrajn ġodda biex persuna ma toqgħodx taħseb fejn trid tmur biex tinqeda imma għall-kuntrarju issib is-servizz fil-qalba tal-komunità u tinqeda b’mod mill-iktar effiċjenti mingħajr ħafna dewmien u skariġġ.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Send this to a friend