5.4 MILJUN IMMIGRANT TIFEL U TIFLA JGĦIXU FL-EWROPA | One News

Notifiki

5.4 MILJUN IMMIGRANT TIFEL U TIFLA JGĦIXU FL-EWROPA

Ċifri maħruġa mill-UNICEF jistmaw li 5.4 miljun immigrant tifel u tifla jgħixu fl-Ewropa waqt  li 32, 039 tifel u tifla waslu l-Ġreċja, l-Italja, Spanja u l-Bulgarija fl-2017 u kważi nofshom kienu waħedhom jew ġew separati. Minkejja dawn iċ-ċifri għoljin, li mhux juru ħjiel ta’ tnaqqis, l-Istati Membri għadhom jaffaċċjaw sfidi biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni  fuq il-protezzjoni tat-tfal tal-immigranti, qal Alfred Sant fil-Parlament Ewropew waqt li vvota favur riżoluzzjoni fuq il-protezzjoni tat-tfal tal-immigranti.

Dr Sant qal li f’ħafna pajjiżi tal-UE, in-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli, u d-dewmien biex jingħaqdu mal-familji tagħhom u tal-ħatra tat-tuturi, flimkien mal-biża’ li jiġu detenuti, mibgħuta lura jew ittrasferiti, qed jirriżulta fi tfal li jaħarbu u li jkunu esposti għal traffikar, vjolenza u sfruttament. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ servizzi ta’ protezzjoni u attivitajiet apposta għat-tfal f’postijiet ta’ akkoljenza qed ikollu wkoll impatt negattiv.

“Għal din ir-raġuni, ivvotajt favur din ir-riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew għax titlob lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni. L-interess tat-tfal huwa prijorita` u din ir-riżoluzzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jħaffu l-proċedura ta’ rilokazzjoni, jipprovdu għajnuna psikoloġika u jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom aċċess għal uffiċjal tal-protezzjoni mal-wasla tagħhom, inkluż f’ħafna postijiet u faċilitajiet li jospitaw tfal u f’punti ta’ dħul fuq il-fruntiera,” qal il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend