Fi ftit tal-jiem mistenna tibda t-tieni fażi tal-proġett Esplora. Spjega dan ma’ ONE News, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando.
Spjega wkoll kif imbagħad hemm it-tielet fażi li fiha jigu rijabilitati u konvertiti l-binjiet li bhalissa qeghdin okkupati minn heritage malta – biex tinfetaħ parti oħra – bl-isem ‘Esplora Natura’.
Din l-aħbar waslet wara li l-Esplora ġie rikonoxxut bħala wieħed mill-aqwa proġetti Ewropej iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea – f’għeluq it-tletin anniversarju tal-Politika ta’ Koeżjoni.
B’hekk se jkun esibit bħala parti minn wirja li se titmexxa mill-Kummissjoni Ewropea fi Brussell.
Esplora fetaħ il-bibien tiegħu f’Ottubru tal-elfejn u sittax, fejn binja fi stat ta’ kollass – b’investiment ta’ sitta u għoxrin miljun ewro – iddawwar f’wieħed mill-iktar ċentri popolari f’pajjiżna.
Filwaqt li tenna s-sodisfazzjon li Esplora ġie rikonoxxut, Dr Pullicino Orlando spjegalna li l-mira tagħhom kienet l-eċċellenza, li jinħoloq ċentru interattiv mill-aqwa li jagħmel ix-xjenza interessanti għal kulħadd.
Fil-fatt innota li ċ-ċentru jiġbed lejn kemm turisti, kif ukoll familji Maltin, li jżuru s-sit ġieli numru ta’ drabi.