Dak li ma qalx Joe Mikallef tan-Nazzjon… | One News

Notifiki

Dak li ma qalx Joe Mikallef tan-Nazzjon…

Joe Mikallef tan-Nazzjon, psewdo-ġurnalist tal-Partit Nazzjonalista, din il-ġimgħa kiteb ħrafa jew storja mingħajr l-ebda valur ta’ aħbar, kif jagħmel is-soltu, dwar żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mal-familja tiegħu għamlu f’Ruma biex isegwu l-finali tal-Coppa Italia bejn Milan u Juventus.

Għal Joe Mikallef u allura anke għal Partit Nazzjonalista ta’ Adrian Delia, li għandhom kontroll dirett fuq dak li jinkiteb fil-gazzetta tagħhom, dan kien skandlu kbir. Kien skandlu kbir, li missier ta’ familja mar jara lit-tim favorit tiegħu (ħalliha li ma ġietx tajba zgur għall-Prim Ministru!) flimkien ma’ ħbieb u kollegi. Break żgħir għall-familja tal-Prim Ministru kien skandlu skont Mikallef u n-Nazzjon, iżda ma kienx skandlu għalihom li Tonio Fenech kien qabad private jet ma’ negozjant biex imur jara l-Arsenal. Dik tista’ tagħmilha!

L-iskop tiegħi mhux li noqgħod nidħol f’dawn il-ħwejjeġ patetiċi – għax assolutament m’hemm l-ebda storja ta’ dan. Mhux se noqgħod ngħid l-anqas li għall-istess partiti kien hemm esponenti tal-Partit Nazzjonalista, għax ma fiha xejn li wieħed imur jara logħba jew li jsiefer mal-familja u l-ħbieb.

Se nikkumenta imma fuq xi ħaġa oħra li kiteb Joe Mikallef.

L-‘istorja’ li bena dan il-psewdo-ġurnalist qal li filwaqt li l-Prim Ministru kien imsiefer kien hemm min f’Malta kien għaddej mill-problema tal-faqar. L-unika ħaġa pożittiva minn dan hi li fl-aħħar għall-PN jidher li qed jirrikonoxxi li jeżiti l-faqar u mhux perċessjoni, (ovvjament għax m’hemmx hu fil-Gvern). Il-bqija, se ngħid dak li ma qalx Mikallef tan-Nazzjon. Mhux se noqgħod insemmi biss li kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li fost l-oħrajn skont l-aħħar statistika naqqas in-nies mill-faqar bit-23,000 ruħ mill-aħħar statistika li kienet ħarġet is-sena ta’ qabel, mhux se noqgħod niftaħar biss, iżda ngħid ukoll li anke jekk ikun hemm persuna waħda biss li tkun f’riskju ta’ faqar, xorta rridu nibqgħu naħdmu.

Li tqabbel iżda safra ta’ familja mal-faqar hija patetika. Hija patetika ferm aktar li ma ssemmiex li fuq min qed tikteb – daħħal fost l-oħrajn iċ-childcareb’xejn biex aktar nisa daħlu fid-dinja tax-xogħol, għamel it-tapering tal-benefiċċji biex min kien fuq il-benefiċċju u jsib xogħol ma jinqatawx mill-ewwel, ta u qed jagħti l-in-work benefit, żied il-paga minima, żied il-pensjonijiet, żied l-istipendji, mhux qed jintaxxa l-maġġornanza tal-pensjonanti, mhux qed jintaxxa lil min jaqla’ l-minimum wage kif għamel il-Partit Nazzjonalista permezz tal-iktar mizura anti-soċjali fl-istorja u l-lista tista’ tibqa’ sejra.

Jekk verament iħoss xi forma ta’ inġustizzja – missu ma kitebx fuq min qed jiġġieled l-inġustizzji iżda fuq min għadu jwettaqhom, sakemm kien qed jikteb u sakemm ktibt dan l-artiklu jien.

Kull ma jrid jagħmel jara lil Adrian Delia. Adrian Delia li ħallas il-kontijiet tat-taxxa, jekk ħallashom kollha għax mhux ċert, b’żewġ sommhom kbar li ħadd ma jaf minn fejn ġabhom, iżda fl-istess ħin jiddikjara li għandu mijiet ta’ eluf f’dejn.

Jekk irid jitkellem fuq l-inġustizzji missu jistaqsi jekk is-self-employed iħallsux il-kont tat-taxxa mill-ewwel, jekk dawk il-ħaddiema li jiksru darhom fix-xemx biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum għall-familja tagħhom, jekk it-taxxa tinqatax mill-ewwel mill-paga tagħhom, missu jistaqsi lil dik il-mara li wara li tmur taħdem, tmur tkompli taħdem id-dar u tlesti l-faċendi kollha biex il-familja tagħha jgħixu komdi.

Dan huwa dak li Joe Mikallef ħalla barra u li fakkartu ftit fih jien.

Lil Bella Compania tal-Partit Nazzjonalista ngħidlhom jibqgħu jattakkaw lil Prim Ministru, lilna u l-Partit Laburista. Qed ikomplu jsaħħuna ma’ kull jum li jgħaddi dejjem aktar.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend