Titħabbar skema ta' scholarship b'valur ta' €1.5 miljun  | One News

Notifiki

Titħabbar skema ta’ scholarship b’valur ta’ €1.5 miljun 

Is-Segretarju Parlamentari Għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Dr Aaron Farrugia beda billi qal li fil-passat konna nitkellmu fuq il-ħolqien tax-xogħol biex innaqqsu il-qgħad. Illum qed nitkellmu fuq il-ħolqien ta’ karrieri minflok xogħol. Pajjiżna llum għandu t-tieni l-ikbar żvilupp fl-ekonomija tiegħu fiż-żona ewro, it-tieni l-inqas rata ta’ qgħad qalb t-28 membru stat Ewropew, fejn in-nies mhux tiġri wara x-xogħol, imma x-xogħol jiġri wara n-nies.

Farrugia spjega li l-edukazzjoni tal-ġenerazzjoni tagħna u dik li jmiss, huwa suġġett li huwa tant għal qalbu, bħala akkademiku, politiku u missier. Huwa saħaq li bħala missier jagħraf li l-bżulija u s-sagrifiċċju tal-ġenituri sabiex uliedhom jibqgħu jistudjaw u jkollhom prospettivi ta’ karriera aħjar minnhom, u li bħala akkademiku jara fil-viċin l-abbilta’ u l-kapaċita’ tal-istudenti Maltin u Għawdxin,

Is-Segretarju Parlamentari qal li flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qed titħabbar r-raba sejħa tal-ischolarship scheme Endeavour iffininazjata mill-Fond Soċjali Ewropej. Din l-iskema, għall-perjodu ta’ programm 2014-2020 din ingħatat ammont totali ta’ iżjed minn €8 miljun minn Fondi Ewropej, minn dawn s’issa diġa ġew allokati €6 miljuni li ammontaw għal 620 borża ta’ studju, jiġifieri 620 bidla fil-ħajjiet tal-istudenti tagħna.

“Illum bi pjaċir inħabbar li taħt din is-sejħa l-ġdida ser inkunu qegħdin nallokaw 1.5 miljun ewro, sabiex permezz tal-proġett Ewropew, propju llum fil-jum imfakkar għal-Ewropa, inkomplu naspiraw u nimmotivaw iżjed studenti Maltin u Għawdxin jaħdmu sabiex idawwru l-ħolm tagħhom f’realta’”, qal Farrugia.

Is-Segretarju Parlamentari Dr Aaron Farrugia għalaq billi ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jirrikorru għall-għajnuna tal-Aġenzija MEUSAC, li waqt il-perjodu ta’ ftuħ ta’ din is-sejħa, se tkun hemm sabiex tipprovdi l-informazzjoni u l-gwida neċessarja ta’ kif  persuna tista’ tapplika għal dawn il-fondi.

Din is-sejħa tagħlaq fis-6 ta’ Ġunju 2018 f’nofsinhar. Aktar informazzjoni tiġi pprovduta mill-iScholarship Unit fi ħdan il-Ministeru Għall-Edukazzjoni u x-Xogħol  fuq 2598 2815, jew mill-Aġenzija MEUSAC fuq 2200 3300.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend