Solar Cinema f'Malta għal Valletta 2018 | One News

Notifiki

Solar Cinema f’Malta għal Valletta 2018

Solar Cinema, ċinema mobbli li taħdem kompletament bl-enerġija solari, se tkun f’pajjiżna matul is-sajf li ġej bħala parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018.

Solar World Cinema hi netwerk internazzjonali ta’ skrins taċ-ċinema mobbli li jitwaqqfu f’diversi spazji pubbliċi miftuħa madwar id-dinja, bl-għan li jwasslu films li qatt ma ntwerew qabel lill-pubbliku f’postijiet mhux tas-soltu. Kull ċinema mobbli hi kapaċi tħaddem lilha nnifisha mingħajr għajnuna permezz ta’ enerġija ġenerata 100% mix-xemx, grazzi għal pannelli fotovoltajċi li kapaċi jiġġeneraw biżżejjed enerġija biex jipproduċu għaxar sigħat ta’ filmat.

Wirjiet minn Solar Cinema se jittellgħu f’diversi spazji pubbliċi f’Malta u Għawdex matul is-sajf, fosthom fiż-Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ, Ħal-Luqa, Birkirkara, il-Qrendi, San Pawl il-Baħar, tas-Sliema, il-Mellieħa, Wied il-Għajn, Ta’ Xbiex, l-Imsida, ir-Rabat, Raħal Ġdid, l-Imġarr, il-Kalkara, Ħal-Lija, iż-Żejtun u Santa Luċija, kif ukoll fil-Qala, x-Xagħra u San Lawrenz f’Għawdex. Matul ir-rebbiegħa u s-sajf li ġej, kulħadd hu mistieden jieħu miegħu mħadda jew siġġu f’wieħed minn dawn il-postijiet, sabiex igawdi l-wirjiet ta’ films fl-apert kif ukoll id-diskussjonijiet li se jitqajmu wara l-films. Il-wirjiet kollha huma miftuħin għall-pubbliku bla ħlas, bejn Mejju u Ottubru 2018.

Solar Cinema tmur oltre l-fruntieri tad-dinja taċ-ċinema tradizzjonali, billi toffri programm ikkurat ta’ films qosra lokali u internazzjonali, dokumentarji li jġiegħlu lil dak li jkun jaħseb, animazzjonijiet u films li jiffukaw fuq numru ta’ kwistjonijiet soċjali kontroversjali, waqt li tagħti importanza lit-tema ta’ ambjent sostenibbli. It-temi tal-films jinkludu l-ivjaġġar u l-migrazzjoni, il-ħajja fuq gżira, l-ilma u l-ambjent kif ukoll ir-relazzjonijiet umani. L-għan ta’ Solar Cinema hu dak tad-demokratizzazzjoni tal-aċċess għaċ-ċinema, billi tinħoloq pjattaforma speċjali li permezz tagħha l-pubbliku jista’ jqatta’ ħin fi spazji pubbliċi fl-apert li jinbidlu f’teatri taċ-ċinema sostenibbli. Dan il-mod uniku ta’ kif jintwerew il-films iqajjem kuxjenza dwar l-importanza li nużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

F’Malta, Solar Cinema diġa organizzat workshops għat-tfal dwar films stop-motion waqt il-Valletta Green Festival. Dawn il-workshopsjippromwovu l-kuxjenza ambjentali permezz tal-użu ta’ materjal riċiklat.

Għal iktar informazzjoni żur valletta2018.org u solarcinema.org. Biex iżżomm ruħek aġġornat dwar il-wirjiet ta’ Solar Cinema, żur il-paġna ta’ Facebook: Solar Cinema.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend