Jason Derulo, Hailee Steinfeld u Sigala għal fuq il-Fosos – One News

Notifiki

Jason Derulo, Hailee Steinfeld u Sigala għal fuq il-Fosos

Jason Derulo, Hailee Steinfeld u Sigala flimkien ma’ Paloma Faith u Ella Eyre u Dimitri Vegas & Like Mike huma l-artisti li din is-sena ser jimlew il-palk tal-Isle of MTV ta’ din is-sena.

Għat-tnax il-sena konsekuttiva, dawn l-artisti ser jingħaqdu ma’ għadd ta’ artisti lokali fuq il-Fosos fil-Furjana biex jittella dak li llum ġie stabbilit bħala wieħed mill-akbar kunċerti mużikali offruti b’xejn fl-Ewropa matul is-sajf.

Hu mifhum li dan il-kunċert, ta’ kull sena jiġbed lejn pajjiżna eluf ta’ turisti partikolarment żgħażagħ li jiġu f’pajjiżna speċifikament biex isegwu dan il-kunċert u jattendu għall-attivitajiet kollha li jsiru madwar pajjiżna b’rabta miegħu.

Minbarra l-attrazzjoni turistika li jiġbed lejn pajjiżna, dan il-kunċert iservi wkoll ta’ niċċa ta’ reklamar ta’ pajjiżna minħabba l-fatt li jiġi segwit minn miljuni ta’ segwaċi fuq l-istazzjonijiet televiżivi tal-MTV.

 Iċ-ċermen tal-Awtorita tat-Turiżmu Gavin Gulia stqarr li ta’ kull sena dan il-kunċert qed iservi ta’ niċċa ta’ opportunita biex pajjiżna jiġbed lejh iżjed turiżmu ta’ divertiment. Hu fakkar ukoll li b’differenza minn snin oħra, din is-sena hu mitlub li kull min ser jattendi l-kunċert, irid jirreġistra l-attendenza tiegħu minn qabel.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi stqarr li dan il-kunċert huwa ħolqa oħra fil-kullana ta’ attrazzjonijiet turistiċi li qed jikkontribwixxu biex pajjiżna jkompli miexi lejn attivita ekonomika aħjar.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend